STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Żewġ ħatriet ġodda
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport iħabbar il-ħatra ta' żewġ Kapijiet Eżekuttivi ġodda li ser imexxu entitajiet importanti fi ħdan il-Ministeru.
Matthew Costa jinħatar Kap Eżekuttiv tal-NDSF
Matthew Costa ġie maħtur Kap Eżekuttiv tan-National Development and Social Fund (NDSF). Huwa għandu karriera twila fis-settur pubbliku, bl-aktar riċenti dik li fiha serva bħala Chief Financial Officer tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Direttur Eżekuttiv ta' Clearflowplus PLC. Matul il-karriera tiegħu mexxa inizjattivi finanzjarji innovattivi, fosthom l-ewwel Green Bond ta' Malta, filwaqt li saħħaħ il-governanza finanzjarja u mexxa programmi ta’ investiment b’valur ta’ miljuni ta’ ewro.
Matthew studja fil-London School of Economics and Political Science u l-Università ta’ Malta, fejn kiseb Postgraduate u Undergraduate Degrees.
Il-Ministeru jesprimi wkoll ir-ringrazzjament tiegħu lil Raymond Ellul għas-servizz u l-kontribut tiegħu fit-tmexxija tal-NDSF matul il-mandat tiegħu, hekk kif ser ikun qiegħed jirtira għaliex laħaq l-età tal-pensjoni.
Aleander Balzan jinħatar Kap Eżekuttiv tal-FTS
Aleander Balzan ġie maħtur Kap Eżekuttiv tal-Foundation for Tomorrow's Schools (FTS). Huwa għandu Master of Science in Strategic Management and Public Policy mill-Università ta' Malta, kif ukoll kwalifiki fl-Istudji Ewropej u l-Komunikazzjoni. Matul il-karriera tiegħu serva bħala Policy Advisor fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mexxa s-Segretarjat tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà u okkupa diversi rwoli fl-oqsma tal-istrateġija, il-komunikazzjoni u l-immaniġġjar ta’ proġetti.
Il-Ministeru jesprimi wkoll ir-ringrazzjament tiegħu lil Neville Young għall-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu matul is-snin li mexxa din il-Fondazzjoni.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, awgura lill-Kapijiet Eżekuttivi l-ġodda kull suċċess fil-karigi tagħhom u esprima l-fiduċja tiegħu li l-esperjenza, il-ħiliet u l-viżjoni tagħhom se jkomplu jsaħħu l-entitajiet rispettivi u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-prijoritajiet tal-Gvern fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-iżvilupp nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922