STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru Fearne jtenni l-appoġġ ta’ Malta lejn l-Ukrajna filwaqt li jappella għall-istabbiltà fil-Lvant Nofsani
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne tenna l-appoġġ kontinwu ta’ Malta lejn l-Ukrajna u laqa’ l-progress li sar mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar il-21 pakkett propost ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja. Huwa rringrazzja wkoll lill-Presidenza Irlandiża għat-tmexxija tagħha matul id-diskussjonijiet u talli qieset il-pożizzjonijiet espressi mill-Istati Membri.
“Filwaqt li din il-gwerra qed tkompli tittawwal, l-Unjoni Ewropea trid tibqa’ impenjata u soda fil-pożizzjoni tagħha. Fl-istess waqt, irridu nkomplu naħdmu flimkien biex inħarsu l-istabbiltà fil-Lvant Nofsani, niżguraw il-libertà tan-navigazzjoni u nħarsu l-liġi internazzjonali. Dawn l-isfidi jeħtieġu għaqda, konsistenza u kooperazzjoni multilaterali kontinwa,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru Fearne rrefera wkoll għall-attività kontinwa tax-Shadow Fleet fil-Baħar Mediterran, fejn esprima t-tħassib tiegħu dwar l-evażjoni tas-sanzjonijiet, ir-riskji għas-sigurtà marittima u l-konsegwenzi ambjentali li din tista’ ġġib magħha. Huwa tenna wkoll l-appoġġ ta’ Malta lejn il-mixja tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea u laqa’ l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin skambjaw ukoll fehmiet dwar l-iżviluppi fil-Baħar l-Iswed, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-iżviluppi reċenti relatati mal-kunflitt mal-Iran.
Matul il-Forum ta’ Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni reġjonali, il-Ministru Fearne esprima t-tħassib ta’ Malta dwar it-tensjonijiet riċenti li qed jolqtu l-Istrett ta’ Hormuz u l-pajjiżi ġirien fir-reġjun tal-Golf, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe eskalazzjoni ġdida. Huwa appella lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-Memorandum ta’ Ftehim.
Il-Ministru Fearne enfasizza li l-Istrett ta’ Hormuz huwa passaġġ internazzjonali u saħaq fuq l-importanza li tiġi mħarsa l-libertà tan-navigazzjoni u s-sigurtà tal-baħħara skont il-liġi internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS). Huwa enfasizza wkoll l-importanza li jissaħħu l-kuntatti bejn il-popli u esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-progress fil-liberalizzazzjoni tal-viża bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-GCC.
Dwar is-sitwazzjoni f’Gaża u fix-Xatt tal-Punent, il-Ministru Fearne tenna l-oppożizzjoni ta’ Malta għal kull forma ta’ spostament sfurzat u appella biex jinħelsu l-fondi dovuti lill-Awtorità Palestinjana li bħalissa qed jinżammu. Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu identifikati mekkaniżmi sostenibbli biex tingħata għajnuna lill-Awtorità Palestinjana lil hinn mill-qafas eżistenti.
Il-Ministri skambjaw ukoll fehmiet dwar numru ta’ żviluppi internazzjonali oħra, fosthom il-Bożnija u Ħerzegovina, is-Sudan u r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Maqgħuda.
Wara l-konklużjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Fearne attenda wkoll għal-laqgħa tal-Palestine Donor Group.
Fil-marġini tal-Kunsill, il-Ministru Fearne ltaqa’ wkoll ma’ Lana Nusseibeh, Ministru tal-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda u Mibgħuta tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda għall-Unjoni Ewropea. Il-laqgħa ffukat fuq l-iżviluppi fir-reġjun u fuq opportunitajiet biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Emirati Għarab Magħquda.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922