Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi

pr261185
Date Icon 14/07/2026

Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, ħabbar l-ewwel Legal and Finance Grant, miżura ġdida ta' appoġġ li se tgħin lill-artisti, lill-prattikanti kreattivi u lill-organizzazzjonijiet kulturali għall-aċċess għal pariri professjonali legali u finanzjarji. Permezz ta' din l-għotja l-ġdida, il-benefiċjarji jistgħu jingħataw sa massimu ta' €3,000.

L-għotja, li tfasslet wara konsultazzjoni mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA), għandha l-għan li twieġeb għall-bżonnijiet professjonali prattiċi tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li tappoġġja s-sostenibbiltà fit-tul tal-prattika artistika. Il-fondi jistgħu jintużaw biex jinkisbu pariri legali u finanzjarji f'oqsma bħal kuntratti, proprjetà intellettwali, ġestjoni tad-drittijiet, taxxa, kontabilità, ippjanar finanzjarju, rekwiżiti marbuta mal-assigurazzjoni u obbligi regolatorji relatati ma' xogħol artistiku jew kulturali, bl-ispejjeż eliġibbli koperti kollha.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea tenna li “Dan il-Gvern jemmen li l-kultura mhijiex spiża, iżda investiment. Meta ninvestu fl-artisti tagħna ma nkunux qed nappoġġjaw biss il-kreattività, iżda nkunu qed nibnu ekonomija aktar innovattiva, soċjetà aktar b'saħħitha u pajjiż li jagħraf il-valur tat-talent tiegħu. Il-Legal and Finance Grant huwa eżempju konkret ta' kif qed nagħtu lill-professjonisti kreattivi l-għodod biex mhux biss joħolqu, iżda wkoll jikbru u jirnexxu b'mod sostenibbli."

Iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli qal li din l-iskema hija pass ieħor lejn settur kulturali aktar professjonali u sostenibbli. “Artist illum mhux biss joħloq, iżda jmexxi wkoll il-karriera tiegħu bħala professjonist. Jiffirma kuntratti, jimmaniġġja d-drittijiet tiegħu, jieħu deċiżjonijiet finanzjarji u jinnaviga obbligi legali u regolatorji. Permezz tal-Legal and Finance Grant qed ninvestu mhux biss fil-kreattività, iżda wkoll fil-kapaċità tal-artisti u tal-organizzazzjonijiet kreattivi li joperaw b'aktar kunfidenza, professjonalità u reżiljenza. Din l-iskema tirrifletti l-viżjoni tal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti li nibnu settur fejn il-kreattività tkun appoġġjata mhux biss permezz tal-finanzjament, iżda wkoll permezz tal-għodod u s-servizzi meħtieġa biex jinbnew karrieri sostenibbli fit-tul."

Id-Direttur tal-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, qalet li l-għotja tindirizza bżonn prattiku fis-settur. “L-artisti u l-organizzazzjonijiet kreattivi spiss ikollhom jittrattaw kuntratti, obbligi tat-taxxa, ġestjoni tad-drittijiet u kwistjonijiet ta' konformità bħala parti mix-xogħol professjonali tagħhom. Din l-iskema tirrifletti l-prinċipji mniżżla fil-Karta dwar l-Istatus tal-Artist, b'mod partikolari fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, titjib fil-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, prattika etika, drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-rikonoxximent professjonali tal-artisti. Il-fondi joffru lill-artisti u lill-organizzazzjonijiet kreattivi aċċess għall-għarfien professjonali li għandhom bżonn biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati u jħarsu l-valur tal-prattika tagħhom, filwaqt li jsaħħu ukoll il-kundizzjonijiet professjonali li fihom joperaw. B'dan il-mod, il-fond jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2030 u l-impenn favur settur kulturali u kreattiv aktar reżiljenti."

Nicole Debono, Segretarja Ġenerali fil-Malta Entertainment Industry and Arts Association, qalet “Aħna grati lejn il-Kunsill Malti għall-Arti talli rrikonoxxa dan in-nuqqas, u għall-mod kollaborattiv li bih din l-iskema ħadet forma. Dak li qed nniedu llum jirrifletti djalogu ġenwin — bejn MEIA u l-Kunsill, iżda fl-aħħar mill-aħħar, fis-servizz tal-komunità kreattiva u kulturali usa', kemm jekk membri ta' MEIA kif ukoll jekk le. Din l-aċċessibbiltà hija importanti ħafna għalina. Governanza tajba tfisser skema li hi miftuħa, ġusta, u verament utli għal kulħadd f'dan is-settur"

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sa nofsinhar tat-2 ta' Settembru 2026. Għal aktar informazzjoni żuruhttps://www.artscouncilmalta.gov.mt.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTI, IL-KULTURA U L-WIRT NAZZJONALI Ġie mniedi l-ewwel Legal and Finance Grant għas-setturi kulturali u kreattivi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow