Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Titħabbar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia

pr261181
Date Icon 14/07/2026

Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard nieda l-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia organizzata b'kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Kamra tal-Periti. L-għan ta' dan il-premju huwa li jkompli jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-eċċellenza fl-arkitettura, l-ippjanar u l-ambjent mibni f'Malta.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Attard saħaq li l-ippjanar tajjeb huwa wieħed mill-aktar għodod importanti biex il-pajjiż ikompli jiżviluppa b'mod sostenibbli, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u jħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-Ministru Attard qal li meta nitkellmu dwar l-ippjanar ma nkunux qed nitkellmu biss dwar permessi jew proċessi regolatorji, iżda dwar kif irridu li jidhru l-lokalitajiet tagħna, il-protezzjoni tal-wirt naturali u kulturali tagħna u l-kwalità tal-ispazji pubbliċi li nużaw kuljum.

Matul it-tnedija ġie spjegat kif il-Malta Architectural and Spatial Planning Awards, li l-Awtorità tal-Ippjanar organizzat mill-2019, ingħaqdu mal-Premju Emanuele Luigi Galizia sabiex jinħoloq premju nazzjonali wieħed aktar b'saħħtu, aktar inklużiv u aktar rappreżentattiv tas-settur kollu.

“Il-premju Emanuele Luigi Galizia jirrifletti s-sens ta' kollaborazzjoni b'saħħitha li hemm bejn l-Awtorità tal-ippjanar u l-Kamra tal-Periti fejn għall-ewwel darba ingħaqdu biex jippremjaw l-eċċellenza fil-qasam tal-ippjanar u allura bħala gvern tirrifletti wkoll il-viżjoni tagħna lejn standards ogħla. Din mhijiex sempliċiment amalgamazzjoni ta' żewġ premjijiet. Hija pjattaforma nazzjonali li tgħaqqad flimkien l-aħjar esperjenzi, l-aħjar prattiċi u l-aqwa aspirazzjonijiet tal-professjoni u tal-istituzzjonijiet pubbliċi", saħaq il-Ministru Attard.

Biex tkompli tissaħħaħ din l-inizjattiva, twaqqaf kumitat konġunt bejn il-Kamra tal-Periti u l-Awtorità tal-Ippjanar, li ilu jaħdem fuq l-edizzjoni ta' din is-sena sabiex ikompli jgħolli l-livell tal-premju, jespandi l-firxa tiegħu u jkompli jsaħħaħ ir-rikonoxximent tal-eċċellenza professjonali fil-pajjiż.

L-impenn tal-Gvern u tal-Awtorità tal-Ippjanar jibqa' dak li jsaħħaħ il-governanza, it-trasparenza, il-kwalità fid-deċiżjonijiet u l-modernizzazzjoni tas-servizzi.

Fl-għeluq tal-indirizz tiegħu, il-Ministru Attard ħeġġeġ lill-professjonisti biex jipparteċipaw f'din l-edizzjoni ta' dan il-Premju u jkomplu jkunu protagonisti fit-tiswir ta' ambjent mibni ta' kwalità għall-ġid tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li dan il-premju jirrifletti rikonoxximent nazzjonali tal-abbiltajiet tal-periti u studenti u dak li għandu x'jaqsam ma' bini li jispikka u li jirrifletti kemm il-ħtiġijiet tal-lum, dawk futuri u kif ukoll rispett lejn komunità inġenerali.

Il-President tal-Kamra tal-Periti l-Perit Andre Pizzuto spjega dwar il-ħtieġa li jkun hemm din il-kollaborazzjoni bejn dawn iż-żewġ entitajiet li għandhom daqshekk influwenza fuq l-ambjent mibni ta' pajjiżna. Barra minn hekk min jirbaħ dan il-premju nazzjonali se jkun jista' jipparteċipa fi premju fuq livell Ewropew tal-arkitettura.

Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll ir-rebbieħa tal-President's Award tas-sena li għaddiet il-Periti Peter u Sandro Valentino minn Valentino Architects. 

Għal aktar informazzjoni dwar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia 2026, inklużi l-kategoriji, il-kriterji ta' eliġibbiltà, ir-regolamenti u l-proċess ta' applikazzjoni, dawk interessati huma mistiedna jżuru s-sit uffiċjali tal-premju www.premjugalizia.org.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Titħabbar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Titħabbar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Titħabbar il-ħames edizzjoni tal-Premju Emanuele Luigi Galizia
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow