STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru Chris Fearne jiltaqa’ mal-Ispeaker tal-House of Commons Sir Lindsay Hoyle
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne kellu laqgħa mal-Ispeaker tal-House of Commons, Sir Lindsay Hoyle, waqt żjara uffiċjali f’Londra.
Matul il-laqgħa, fil-preżenza tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, Prof Stephen Montefort, ġew diskussi r-rabtiet storiċi u mill-qrib bejn Malta u r-Renju Unit, kif ukoll modi kif tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti taż-żewġ pajjiżi. Ġew diskussi wkoll opportunitajiet għal aktar skambji u inizjattivi bejn il-membri parlamentari Maltin u Brittaniċi.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Parlament Brittaniku, il-Ministru Fearne kellu wkoll laqgħa mal-All-Party Parliamentary Group (APPG) dwar Malta, immexxi minn Kevin Bonavia MP bħala Co-Chair u Baroness Clare Gerada bħala Co-Chair. Il-laqgħa ffukat fuq ir-relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ pajjiżi u fuq il-kontribut tal-APPG fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u fil-promozzjoni ta’ interessi komuni bejn Malta u r-Renju Unit.
Il-Ministru Fearne faħħar it-tiġdid tal-ħidma tal-APPG dwar Malta u esprima l-apprezzament tiegħu għall-impenn tal-grupp biex ikompli jsaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll oqsma ta’ interess komuni, fosthom l-edukazzjoni, il-mobbiltà taż-żgħażagħ, il-migrazzjoni, is-sigurtà internazzjonali u l-kooperazzjoni Ewropea u multilaterali.
Iż-żjara kompliet b’laqgħa mal-komunità Maltija fir-Renju Unit fil-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra. Il-Ministru Fearne rringrazzja lill-Maltin li jgħixu fir-Renju Unit għall-kontribut tagħhom u għall-ħidma li jwettqu biex iżommu ħajja l-identità, il-kultura u r-rabtiet tagħhom ma’ Malta.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922