STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR Tittella’ diskussjoni dwar ir-regolamenti l-ġodda tal-ugwaljanza fil-pagi: Pass importanti lejn trasparenza u ġustizzja fuq il-post tax-xogħol
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti indirizza Business Breakfast organizzat minn Mamo TCV Advocates dwar ir-regolamenti l-ġodda tal-ugwaljanza fil-pagi. Il-Business Breakfast laqqa' flimkien policymakers, avukati u partijiet ikkonċernati fejn ġiet diskussa l-implimentazzjoni fil-prattika ta' dawn ir-regolamenti l-ġodda f'Malta.
Ir-regolamenti l-ġodda daħlu fis-seħħ permezz ta' Avviż Legali f'Ġunju u permezz tagħhom Malta implimentat id-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Dawn ir-regolamenti jintroduċu drittijiet aktar ċari u trasparenti u japplikaw bl-istess mod kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għal dak privat. Fost l-aktar bidliet sinifikanti, persuni li jkunu qed japplikaw għal impjieg issa għandhom id-dritt li jirċievu mal-ewwel informazzjoni dwar il-paga, filwaqt li dawk li jħaddmu ma jistgħux jistaqsu aktar dwar is-salarju preċedenti ta' applikant.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta' dawn ir-regolamenti għall-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. “Ir-Regolamenti l-ġodda jsaħħu wkoll il-prinċipju li n-nisa u l-irġiel għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol ugwali, jew għal xogħol ta' valur ugwali. Id-dritt għal paga ugwali u t-trasparenza fuq il-post tax-xogħol mhumiex limitati għal xi settur partikolari, iżda japplikaw bl-istess mod kemm għal min iħaddem fis-settur privat u dak pubbliku, u dan jirrifletti t-twemmin tagħna li paga ġusta hija dritt għal kulħadd."
Il-Ministru Azzopardi Tanti kompla jispjega li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) qed ittella' wkoll sessjonijiet ta' informazzjoni u seminars mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar ir-regolamenti l-ġodda. Huwa temm jgħid li l-Gvern impenjat li jiżgura li l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regolamenti tkun waħda effettiva u twassal għal bidla pożittiva fuq il-postijiet tax-xogħol.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922