STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Malta tikseb l-istatus ta’ “Innovatur b’Saħħtu” fl-Iscoreboard Ewropew tal-Innovazzjoni 2026
Għall-ewwel darba, Malta ġiet ikklassifikata bħala “Innovatur b’Saħħtu” fl-Iscoreboard Ewropew tal-Innovazzjoni (EIS) 2026, li jirrappreżenta pass importanti fil-prestazzjoni tal-pajjiż fil-qasam tal-innovazzjoni.
L-evalwazzjoni annwali tal-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil Malta ’l fuq mill-medja tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-innovazzjoni filwaqt li żżomm il-pożizzjoni ġenerali tagħha tal-2025 bħala t-12-il Stat Membru tal-UE fl-iskala tal-klassifika. Malta rreġistrat ukoll waħda mill-akbar titjib fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni mill-2019 ’l hawn.
L-EIS jenfasizza dwar Malta li hija pajjiż li jispikka fil-qasam tal-Assi Intellettwali u jidentifikaha bħala wieħed mill-pajjiżi li wera l-akbar titjib fl-Impatt tal-Produttività tar-Riżorsi u tax-Xogħol.
L-Iscoreboard Ewropew tal-Innovazzjoni jkejjel il-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni f’diversi oqsma, fosthom ir-riċerka, l-investiment, id-diġitalizzazzjoni, l-innovazzjoni fin-negozji u l-impatt ekonomiku. Storikament, Malta kienet ikklassifikata bħala “Innovatur Moderat”, b’saħħiet partikolari fid-diġitalizzazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja u l-impjiegi bbażati fuq l-għarfien, filwaqt li għadha taffaċċja sfidi f’oqsma bħall-investiment privat fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&I), il-kapital ta’ riskju u l-attività relatata mal-patents.
B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima laqa’ l-progress ta’ Malta għall-kategorija ta’ “Innovatur b’Saħħtu”. Huwa stqarr li dan ir-riżultat pożittiv jagħti spinta ġdida li tkompli tixpruna ’l quddiem biex ikompli t-tisħiħ tal-ekosistema tal-innovazzjoni, jiġu appoġġati n-negozji biex jinnovaw, tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-akkademja u l-industrija, u jitħeġġeġ aktar investiment privat fir-riċerka u l-iżvilupp. Ir-rapport jindika wkoll l-oqsma fejn Malta teħtieġ tkompli tinvesti, b’mod partikolari biex tkompli żżid il-finanzjament għar-riċerka u toħloq aktar opportunitajiet.
Il-Ministru Grima tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġa l-progress ta’ Malta, primarjament permezz ta’ Xjenza Malta imma wkoll bl-involviment attiv tal-partijiet interessati kollha fl-ekosistema tal-innovazzjoni.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922