STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI ‘Malta Tells’ – Gallarija tradizzjonali Maltija se tagħti ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi
Fil-ġimgħat li ġejjin, diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex se jkunu qed jilqgħu gallarija tradizzjonali Maltija li se sservi ta' palk għal ‘Malta Tells’, proġett kulturali u artistiku innovattiv li jgħaqqad it-teatru, l-arti u l-istejjer lokali biex jiċċelebra dak kollu li jagħmilna Maltin. Permezz ta' produzzjonijiet b'elementi ta' interazzjoni mal-pubbliku, il-proġett se jwassal esperjenzi kulturali fl-ispazji pubbliċi, filwaqt li jippromovi l-identità unika u l-attrazzjonijiet tal-lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli żaret il-post fejn bħalissa għaddejja l-ħidma fuq il-kostruzzjoni ta' din il-gallarija tradizzjonali Maltija. Matul iż-żjara, il-Ministru rat mill-qrib ix-xogħol li qed isir biex tinħoloq din l-istruttura artistika, li ġiet iddisinjata biex tkun mobbli u tittella' f'diversi lokalitajiet bħala sfond għal wirjiet teatrali, artistiċi u kulturali li se jagħtu ħajja lill-ispazji pubbliċi madwar il-pajjiż.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif il-kultura tista' tkun mezz biex tingħata ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi u tissaħħaħ il-ħidma tal-gvern lokali. “Il-Kunsilli Lokali huma l-qalba tal-komunitajiet tagħna u permezz ta' inizjattivi bħal Malta Tells qed noħolqu opportunitajiet ġodda biex il-lokalitajiet ikunu ċentri ta' attività kulturali, fejn ir-residenti u l-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw l-identità u l-istorja ta' kull raħal u belt b'mod interattiv u innovattiv,” sostniet il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku ta’ Malta Tells, Ryan Galea spjega li l-gallarija tradizzjonali Maltija se tkun il-qalba ta' dan il-proġett u se sservi mhux biss bħala xena teatrali, iżda wkoll bħala simbolu tal-identità Maltija. Minn fuqha, attur se jwassal produzzjonijiet interattivi li jirriflettu l-ħajja ta' kuljum, it-tradizzjonijiet, il-kultura u l-karatteristiċi li jagħmluna poplu uniku. Flimkien mal-wirjiet teatrali, il-gallarija se tinkludi wkoll elementi artistiċi u kontenut diġitali li se jkomplu jippromovu l-istorja, il-wirt u l-attrazzjonijiet tal-lokalitajiet li se żżur.
Permezz ta' Malta Tells, kull lokalità se tingħata l-opportunità tirrakkonta l-istorja tagħha b’mod kreattiv u aċċessibbli. Il-proġett se jgħaqqad wirjiet teatrali, installazzjonijiet artistiċi, produzzjonijiet awdjoviżivi biex iħeġġeġ kemm lir-residenti kif ukoll lill-viżitaturi jesploraw lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-ħidma favur distribuzzjoni aktar mifruxa tal-attività turistika.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922