STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI 128 avukat u 4 prokuraturi legali ġodda jingħataw il-warrant
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ppreżenta l-warrants lil 128 avukati u 4 prokuraturi legali ġodda li llum bdew il-vjaġġ tagħhom fil-professjoni legali wara snin ta’ studju, dedikazzjoni u sagrifiċċji.
Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Grima awguralhom għal dan it-tragward u fakkar li l-għoti tal-warrant ma jimmarkax biss il-kisba ta’ kwalifika professjonali, iżda wkoll impenn lejn il-ġustizzja, il-verità u s-servizz lejn is-soċjetà.
“Il-warrant huwa privileġġ, iżda fuq kollox responsabbiltà. Kull deċiżjoni li tieħdu għandha tkun imsejsa fuq l-etika, l-integrità u r-rispett lejn is-Saltna tad-Dritt. Il-professjoni mhix faċli iżda tagħti sodisfazzjon kbir. Se jkun hemm sfidi, deċiżjonijiet diffiċli u mumenti li jitolbu kuraġġ u empatija. Dejjem ftakru għaliex għażiltu din il-professjoni - il-ġurament huwa impenn lejn il-ġustizzja, il-verità u r-responsabbiltà,” saħaq il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima tenna li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja permezz ta’ riformi konkreti. Fost oħrajn, semma l-ħidma li għaddejja fuq riforma li ssaħħaħ l-indipendenza tal-proċess tal-għażla tal-membri tat-tribunali, l-iżvilupp ta’ Qorti Kummerċjali ġdida, ir-riforma tal-Qrati tal-Familja, kif ukoll il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni ta’ diversi servizzi u l-mapping tal-proċessi fil-Qrati biex tkompli titjieb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.
Huwa appella lill-avukati u lill-prokuraturi legali l-ġodda biex jibqgħu jinvestu fl-iżvilupp professjonali tagħhom, jitgħallmu minn dawk li ġew qabilhom u jkomplu jwettqu l-professjoni tagħhom b’umiltà, professjonalità u rispett lejn il-kollegi, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini.
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Imħallef Anthony Ellul, mill-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech u l-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali Gerald Bonello.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg, l-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler, is-Segretarju Permanenti Johan Galea, l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922