STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Ġnien 2000 f’Ħal Għaxaq se jingħata dehra ġdida b’xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni
Għaddejjin xogħlijiet ta' tisbiħ u riġenerazzjoni fi Ġnien 2000 f'Ħal Għaxaq, b'investiment li se jittrasforma dan l-ispazju pubbliku f'żona aktar moderna u aċċessibbli għall-komunità.
Waqt żjara fuq is-sit, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, u s-Sindku ta' Ħal Għaxaq Karl Boxall u membri oħra tal-Kunsill Lokali, żaru x-xogħlijiet li qed isiru biex jitjieb dan il-ġnien u żona oħra li tinsab biswit.
Fost l-interventi ewlenin hemm it-tneħħija tal-istruttura ċentrali eżistenti biex jinħoloq spazju aktar miftuħ u aċċessibbli, sabiex il-ġnien ikun aktar adattat għall-użu tar-residenti u tal-Kunsill Lokali. Barra minn hekk, il-ġnien u ż-żona tal-madwar se jingħataw pavimentar ġdid, li se jagħti dehra aktar moderna u attraenti lill-ispazju kollu. Il-proġett, li qed jitwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jinkludi wkoll xogħlijiet infrastrutturali.
Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett huwa parti mill-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fi spazji pubbliċi ta' kwalità li jtejbu l-ħajja ta' kuljum tar-residenti. Hawn il-Ministru spjegat li l-Gvern qed ikompli juri bil-fatti l-impenn tiegħu lejn il-komunitajiet tagħna.
“Nemmnu li kull lokalità għandha tkun mgħammra bi spazji pubbliċi ta' kwalità, fejn il-familji, it-tfal u l-anzjani jkunu jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu ħin f'ambjent sigur u sabiħ. Dan l-investiment f'Ħal Għaxaq huwa eżempju ieħor ta' kif qed inkomplu nagħtu prijorità lill-Kunsilli Lokali u lill-ħtiġijiet tar-residenti," temmet tgħid il-Ministru Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta' Ħal Għaxaq Karl Boxall spjega kif meta jitlestew ix-xogħlijiet, il-proġett se jipprovdi spazju pubbliku aktar attraenti, aċċessibbli u funzjonali li se jtejjeb il-kwalità tal-ambjent urban u jkun ta' benefiċċju kemm għall-Kunsill Lokali kif ukoll għar-residenti, b'mod partikolari għal dawk li jgħixu fl-inħawi tal-ġnien.
Id-disinn il-ġdid ġie ppjanat b'attenzjoni biex jittejjeb l-aċċess għal kulħadd, filwaqt li saru wkoll aġġustamenti fil-passaġġi pavimentati sabiex jitjiebu l-arranġament tal-ispazji, il-moviment tal-pubbliku u l-viżibilità fil-ġnien.
Il-proġett jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' bankijiet ġodda, sistema ta' dawl effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sistema ta' CCTV u t-tħawwil ta' pjanti ġodda, li flimkien se jikkontribwixxu għal ambjent aktar sigur, komdu u akkoljenti.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922