Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Malta fost l-ewwel pajjiżi li introduċew miżuri għall-Ħarsien tal-Ħaddiema quddiem l-isfidi klimatiċi

PR261096
Date Icon 30/06/2026


Malta kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala wieħed mill-pajjiżi minn ta' quddiem fil-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji tat-tibdil fil-klima waqt seminar internazzjonali li sar f'Palermo. Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreżenta l-mudell Malti bħala eżempju ta' prattika tajba fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fi preżentazzjoni quddiem rappreżentanti minn diversi pajjiżi, il-Ministru Attard spjega kif Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li għarfet il-ħtieġa li t-tibdil fil-klima jiġi indirizzat ukoll mill-perspettiva tal-ħaddiema u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

“Filwaqt li f'ħafna pajjiżi dawn l-isfidi għadhom qed jiġu diskussi, Malta diġà implimentat qafas komprensiv li jinkludi liġi ġdida tal-OHSA wara aktar minn 20 sena, strumenti amministrattivi speċifiċi dwar l-istress mis-sħana u kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi, kampanji ta' għarfien, taħriġ b'xejn u infurzar proattiv. Dan il-qafas qed jipproteġi lill-ħaddiema fil-prattika u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-postijiet tax-xogħol quddiem l-isfidi klimatiċi," spjega l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard enfasizza li l-esperjenza Maltija hija mibnija fuq mudell integrat li jgħaqqad l-evidenza xjentifika, il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-leġiżlazzjoni u l-istrumenti amministrattivi, flimkien ma' kampanji ta' għarfien, taħriġ kontinwu u infurzar effettiv.

“Dan l-approċċ wassal biex Malta mhux biss antiċipat ħafna mid-diskussjonijiet li llum qed iseħħu fuq livell internazzjonali, iżda wkoll stabbiliet mekkaniżmu flessibbli li kapaċi jirrispondi malajr għal riskji emerġenti relatati mat-tibdil fil-klima," żied jgħid il-Ministru Attard.

Matul il-preżentazzjoni ngħatat attenzjoni partikolari lis-settur tal-kostruzzjoni, fejn il-ħaddiema huma fost l-aktar esposti għas-sħana estrema, ix-xemx diretta u kundizzjonijiet tax-xogħol fiżiċi. Ġew spjegati l-miżuri introdotti permezz ta' strument Amministrattiv li daħal fis-seħħ fl-2025, li jipprevedi provvista adegwata ta' ilma għax-xorb, żoni fid-dell, protezzjoni mix-xemx u spazji ta' mistrieħ, kif ukoll miżuri addizzjonali waqt perjodi ta' sħana estrema, partikolarment meta t-temperaturi jaqbżu l-40°C.

Ġie preżentat ukoll strument Amministrattiv ieħor li daħal fis-seħħ  din is-sena, li jintroduċi miżuri ta' preparazzjoni, rispons u rkupru waqt kundizzjonijiet meteoroloġiċi severi, inkluż is-sospensjoni ta' xogħol fuq barra, fuq soqfa u fuq scaffolding waqt twissijiet ta' maltemp qawwi sabiex jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Il-Ministru Attard irrimarka wkoll li Malta qed tkompli ssaħħaħ l-approċċ tagħha lejn is-saħħa fuq il-post tax-xogħol permezz tal-integrazzjoni tal-benesseri psikoloġiku fil-qafas tas-saħħa u s-sigurtà, b'rikonoxximent tal-impatt li s-sħana u kundizzjonijiet estremi jista' jkollhom fuq il-konċentrazzjoni, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-benesseri ġenerali tal-ħaddiema.

Huwa temm jgħid li s-sħana estrema m'għadhiex sfida staġjonali iżda sfida għall-post tax-xogħol, għas-saħħa pubblika u għall-politika tal-adattament għat-tibdil fil-klima. “Għalhekk Malta għażlet li taġixxi kmieni, b'miżuri konkreti li jqiegħdu l-protezzjoni tal-ħaddiema fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali."

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Dr Josianne Cutajar, qalet li, “Il-parteċipazzjoni ta' Malta f'Palermo kkonfermat ir-rikonoxximent dejjem jikber lejn il-ħidma li qed issir f'dan il-qasam u saħħet ir-reputazzjoni ta' pajjiżna bħala ġurisdizzjoni li mhux biss tirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda, iżda li tmexxi bl-eżempju permezz ta' azzjoni konkreta, preventiva u effettiva. Il-fatt li Malta diġà qed timplimenta miżuri leġiżlattivi, amministrattivi, edukattivi u ta' infurzar f'dan il-qasam juri l-impenn tagħna biex il-protezzjoni tal-ħaddiema tibqa' fiċ-ċentru tal-politika nazzjonali."

Iċ-Chairman tal-Bord tal-OHSA Pierre Fava qal li l-preżentazzjoni tal-Ministru Attard tikkonferma kemm pajjiżna jinsab f'pożizzjoni avvanzata fejn jidħlu tibdil fil-klima u s-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol.

Preżenti għal dan is-seminar kien hemm ukoll l-Assistent Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Gorg Zahra u r-rappreżentant tal-Konfederazzjoni għas-Saħħa u s-Sigurtà For.U.M Anthony Casaru.

Ritratti: MIPE

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Malta fost l-ewwel pajjiżi li introduċew miżuri għall-Ħarsien tal-Ħaddiema quddiem l-isfidi klimatiċi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Malta fost l-ewwel pajjiżi li introduċew miżuri għall-Ħarsien tal-Ħaddiema quddiem l-isfidi klimatiċi
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INFRASTRUTTURA, L-IPPJANAR U X-XOGĦOL Malta fost l-ewwel pajjiżi li introduċew miżuri għall-Ħarsien tal-Ħaddiema quddiem l-isfidi klimatiċi
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow