STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Inawgurat uffiċjalment in-Nexans Electra, il-bastiment li se jqiegħed it-tieni interconnector taħt il-baħar bejn Malta u Sqallija
Tragward ieħor importanti fit-twettiq ta' dan il-proġett infrastrutturali strateġiku
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, attendiet għaċ-ċerimonja uffiċjali tat-tnedija tal-bastiment Nexans Electra fin-Norveġja. Dan il-bastiment speċjalizzat se jintuża biex iqiegħed it-tieni interconnector taħt il-baħar bejn Malta u l-Italja (IC2).
Għaċ-ċerimonja attendew ukoll rappreżentanti ta' InterConnect Malta u Nexans.
Dan l-avveniment jimmarka stadju ieħor importanti fl-implimentazzjoni tal-proġett IC2, li se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija ta' Malta u jipprovdi aċċess addizzjonali man-netwerk Ewropew tal-elettriku.
“Il-proġett IC2 jibni fuq l-esperjenza miksuba mill-ewwel interkonnessjoni tal-elettriku bejn Malta u Sqallija, li daħlet fis-seħħ fl-2015 u kienet ukoll implimentata minn Nexans. Se tinżamm distanza sigura minn mal-interconnector eżistenti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema u jitnaqqas ir-riskju ta' ħsara fuq iż-żewġ cables f'daqqa. Permezz ta' IC2 se tissaħħaħ b'mod sostanzjali s-sistema elettrika ta' Malta billi jipprovdi kapaċità alternattiva, iżid l-istabbiltà tal-provvista u jaqdi l-ħtiġijiet tal-pajjiż għas-snin li ġejjin f'dak li għandu x'jaqsam ma' domanda tal-elettriku. Dan il-proġett huwa parti essenzjali mill-istrateġija nazzjonali biex Malta tilħaq il-miri tagħha għall-2030 fil-qasam tal-enerġija u l-klima, kif ukoll l-għanijiet fit-tul tad-dekarbonizzazzjoni," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Nexans, il-kumpanija responsabbli mill-manifattura, l-installazzjoni u l-protezzjoni tal-cable taħt il-baħar, lestiet il-produzzjoni u l-ittestjar ta' mija u tliet (103) kilometri ta' cable, li jinkludu madwar erba' (4) kilometri ta' cable bħala riżerva. Il-manifattura saret fil-faċilità ta' Nexans f'Charleston, fl-Istati Uniti, u bdiet f'Awwissu tal-2025.
L-attività fuq il-baħar marbuta mat-tqegħid tal-cable mistennija tibda aktar tard din is-sena. Għal dan il-għan, wara li jgħabbi l-cable abbord, minn Charleston, in-Nexans Electra, se jibda l-vjaġġ lejn Malta għall-fażi tal-installazzjoni.
In-Nexans Electra huwa bastiment modern mgħammar bl-aktar teknoloġija avvanzata għall-ġarr, l-installazzjoni, il-protezzjoni u t-tiswija ta' cables tal-elettriku taħt il-baħar. B'tul ta' madwar 150 metru u mgħammar b'diversi turntables, il-bastiment għandu il-kapacità li jġorr u jqiegħed interconnectors twal f'operazzjoni waħda. Dan se jippermetti t-tieni interconnector, li jiżen aktar minn tmint elef (8000) tunnellata, ikun jista' jinġarr fi vjaġġ wieħed.
Il-bastiment mgħammar b'sistema avvanzata sabiex ikun jista' iżomm il-pożizzjoni tiegħu b'mod dinamiku u bi preċiżjoni għolja mingħajr il-ħtieġa ta' ankri. Dan jiżgura li t-tqegħid ta' IC2 ikun iktar preċiż anke f'kundizzjonijiet marittimi diffiċli u f'fond li jilħaq sa 160 metru tul ir-rotta.
Il-cable jikkonsisti f'żewġ tulijiet ewlenin li se jingħaqdu permezz ta' ġonta waħda taħt il-baħar. Filwaqt li l-cable se jkun qed jitqiegħed f'qiegħ il-baħar ser ikun qed jiġi skavat gandott apposta fejn fl-istess waqt jitpoġġa u jindifen. F'żoni fejn ma jkunx possibbli li jsir gandott fil-qiegħ tal-baħar, il-kumpanija speċjalizzata Van Oord se tipprovdi protezzjoni addizzjonali permezz tat-tqegħid ta' ġebel apposta illi jitpoġġa b'manjiera sabiex il-cable ikun protett xorta waħda.
Fost il-ħidmiet preparatorji li saru matul l-aħħar xhur kien hemm stħarriġ estensiv tar-rotta tal-IC2 u interventi biex jitneħħew oġġetti splussivi ta' żmien il-gwerra, sabiex il-fażi tal-installazzjoni tkun tista' tibda b'mod sigur.
Ix-xogħlijiet fuq l-art qed jimxu wkoll b'pass mgħaġġel. F'Malta tlestew madwar 97% tax-xogħlijiet marbuta mat-tqegħid tal-cable fit-trinek, filwaqt li għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet tal-horizontal directional drilling (HDD) fil-Magħtab biex il-cable jgħaddi bejn l-art u l-baħar bl-inqas impatt ambjentali possibbli.
Fi Sqallija, ix-xogħlijiet ukoll qed javvanzaw b'mod kostanti, b'madwar 90% tat-trinek diġà lesti fejn tpoġġa madwar 65% tal-cable tul 21.7 kilometru ta' rotta fuq l-art.
Il-proġett jaħseb ukoll għall-provvista u l-ħażna u ta' cable addizzjonali fil-powerstation ta' Delimara biex iservi ta' riżerva. L-Inġinier Ismail D'Amato spjega: “Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' turntable apposta f'Delimara għall-ħażna tal-cable ta' riżerva. Din hija miżura ta' sinjifikat strateġika għax tiżgura li, jekk ikun hemm bżonn interventi jew tiswijiet fil-futur, il-cable meħtieġ ikun disponibbli minnufih. Dan inaqqas il-ħin tat-tiswija u jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema elettrika nazzjonali."
Dan l-investiment ta' €300 miljun ġie approvat għall-finanzjament mill-ERDF taħt il-prijorità “Promozzjoni tat-tranżizzjoni enerġetika nadifa u ġusta", u jikkontribwixxi direttament għal sistemi enerġetiċi intelliġenti u stabbli. Il-proġett ġie rikonoxxut bħala “Operazzjoni ta' Importanza Strateġika" fil-Programm 2021–2027. L-ammont tal-finanzjament Ewropew allokat hu ta' €261 miljun.
Other Press Releases:
PR261922EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261922