Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f'laqgħa mal-MCESD dwar il-prijoritajiet tal-Gvern għal din il-leġiżlatura

PR261012
Date Icon 15/06/2026


Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti u l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, iltaqa' mar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar il-prijoritajiet imfassla minn dan il-Gvern għal matul il-ħames snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-MCESD u l-imsieħba soċjali huma pedina importanti fid-djalogu soċjali u biex bħala pajjiż nkomplu mixjin 'il quddiem.

Dr Abela tenna li dan il-Gvern se jkompli jipprijoritizza l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha. Huwa rrefera  ukoll għal relazzjoni ta' rispett u ħbiberija li nbniet fl-aħħar snin, fosthom f'mumenti kritiċi bħall-pandemija, meta l-Gvern, flimkien mal-imsieħba soċjali, ħadem biex jissalvagwardja l-ħaddiema, il-familji, min iħaddem u l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż.

Huwa semma wkoll il-ħidma konġunta li l-Gvern kellu flimkien mal-MCESD fuq il-Viżjoni Malta 2050 u fuq diversi ftehimiet settorjali u kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Qal li fid-diskussjonijiet u l-ħidma dejjem kien hemm rispett u impenn lejn il-ġid komuni.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jkompli jagħti ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ, b'mod partikolari fil-qasam strateġiku tal-enerġija. Huwa qal li Malta tinsab b'saħħitha, b'ekonomija soda u f'qagħda fiskali li tippermetti lill-Gvern ikompli jinvesti fil-familji u fin-negozji.

Dr Abela rrimarka li l-programm ta' ħidma tal-Gvern huwa wieħed ambizzjuż u riformista, li se jeħodna pass eqreb lejn ir-realizzazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, b'enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-mobbiltà sostenibbli, l-ambjent u d-diġitalizzazzjoni.

Il-Prim Ministru temm jgħid li fl-ewwel mitt jum ta' din il-leġiżlatura l-Gvern se jibgħat sinjal ċar li se jkun qed ikompli jwettaq il-bidliet neċessarji, filwaqt li tenna l-impenn li d-djalogu soċjali jkompli jissaħħaħ għall-ġid tal-poplu.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-progress sostenibbli ma jistax jiġi impost minn-naħa waħda biss, iżda għandu jinbena flimkien permezz ta' djalogu fejn it-tkabbir ekonomiku jimxi id f'id mal-progress soċjali u l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. “Bħala Gvern, aħna kommessi li naħdmu mal-imsieħba soċjali kollha biex l-użu tal-fondi Ewropej u d-deċiżjonijiet tagħna jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u ma jħallu lil ħadd lura," tenna l-Ministru Azzopardi Tanti.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Maria Micallef qalet li l-fatt li waħda mill-ewwel attivitajiet ta' din il-leġiżlatura hija propju laqgħa tal-MCESD, huwa sinjal ċar tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lid-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali. Hija saħqet ukoll li bħala pajjiż irridu nimxu 'l quddiem permezz tal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li l-Kunsill tal-MCESD kien strumenti biex titnieda. Hija semmiet li l-valur ta' din il-Viżjoni ma jitkejjilx biss mill-aspirazzjonijiet tagħha, iżda wkoll mill-kapaċità tagħna li nibqgħu ffukati fuq l-implimentazzjoni u l-miri identifikati.

Maria Micallef saħqet li jekk kulħadd ikun kommess għad-djalogu, bħala pajjiż nistgħu mhux biss nindirizzaw l-isfidi tal-lum imma wkoll nibnu futur aktar sostenibbli, inklużiv u prosperu għall-ġenerazzjonijiet ta' għada sabiex b'hekk inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li l-amministrazzjoni pubblika hija lesta li tisma', imma fuq kollox li tmexxi l-implimentazzjoni meħtieġa. “Tmexxija moderna tfisser li noħolqu viżjoni ċara, li nieħdu deċiżjonijiet b'kuraġġ fejn ikun hemm bżonn, u li niffaċilitaw il-bidla neċessarja biex Malta tibqa' kompetittiva, inklużiva u sostenibbli, mingħajr ħadd ma jibqa' lura u fejn kulħadd jista' jgawdi mill-ġid komuni," tenna Tony Sultana.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol irrimarka li diġà nbeda x-xogħol neċessarju biex jibda l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Manifest Elettorali, filwaqt li titkompla l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri li kienu għadhom qed jiġu implimentati fil-leġiżlatura preċedenti. Huwa għamel ukoll referenza għall-Wellbeing Index – indiċi li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja b'25%. Ryan Spagnol tenna li kull miżura se tkun qed tikkontribwixxi biex nilħqu din il-mira ewlenija li għandu pajjiżna.

Ritratti: DOI/OPM

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f'laqgħa mal-MCESD dwar il-prijoritajiet tal-Gvern għal din il-leġiżlatura
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f'laqgħa mal-MCESD dwar il-prijoritajiet tal-Gvern għal din il-leġiżlatura
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  With Malta Enterprise’s support, Hornetsecurity strengthens its investment in Malta and entrusts its Maltese workforce with the development of its flagship product

PR261922EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  Bl-appoġġ ta’ Malta Enterprise, Hornetsecurity ssaħħaħ l-investiment f’Malta u tafda lill-ħaddiema Maltin bl-iżvilupp tal-prodott ewlieni tal-kumpanija

PR261922

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow