Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Stejjer ta’ tama u kuraġġ waqt il-Konferenza Nazzjonali fil-Jum Nazzjonali tas-Sopravivenza mill-Kanċer 2026

PR260985
Date Icon 08/06/2026

Il-Ministeru għas-Saħħa, flimkien mad-Direttorat tal-Cancer Care Pathways fi ħdan l-Uffiċċju tat-Tabib Ewlieni tal-Gvern, fakkar il-Jum Nazzjonali tas-Sopravivenza mill-Kanċer permezz ta’ konferenza nazzjonali fl-Aula Magna, il-Valletta Campus (Università ta’ Malta). 

“Din hija ċelebrazzjoni tal-ħajja li mhux biss niċċelebraw f’pajjiżna iżda madwar id-dinja, fiha niċċelebraw it-tama u r-reżiljenza tal-pazjenti,” qalet Dr Danika Marmara, Direttriċi fi ħdan il-‘Cancer Care Pathways’.

Dan kien ukoll l-ewwel impenn uffiċjali tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg bħala Ministru tas-Saħħa. Dr Borg iddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda li tagħti kuraġġ mhux biss lil dawk li għaddejjin mill-isfida tal-kanċer imma lil dawk ta’ madwarhom ukoll.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar ukoll fl-impenn tal-Gvern fejn jidħol dan is-settur, “bla dubju ta’ xejn dan il-Gvern se jibqa’ jimpenja ruħu sabiex isaħħaħ l-infrastruttura, is-servizzi kif ukoll ir-riċerka b’determinazzjoni għal ġid tal-poplu kollu,” temm jgħid Dr Borg.

Din is-sena, l-avveniment ġab l-isem “Vjaġġ ta’ Tama – Surviving & Beyond”. Dan il-jum iservi bħala xhieda ta’ reżiljenza u ċelebrazzjoni tal-ħajja għal dawk kollha li rċevew dijanjosi tal-kanċer, filwaqt li jitfa’ dawl fuq il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-pazjenti wara li jtemmu t-trattament primarju tagħhom. 

Andrew Attard li għeleb il-marda tal-kanċer saħaq dwar l-importanza ta’ avvenimenti bħal dawn. “Nixtieq nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li għamluha possibbli li aħna jkollna vuċi sabiex nitkellmu dwar dak li għaddejna minnu sabiex ngħinu lil dawk li għaddejjin minn din l-isfida issa,” qal Andrew Attard.

Matul il-jum, ittellgħu numru ta’ diskussjonijiet interattivi fosthom dwar ir-Realtà wara t-Trattament, id-Dritt li Jintesa l-Passat Mediku (The Right to be Forgotten) kif ukoll il-kwalità tal-ħajja lil hinn mill-Kanċer (Living Well Beyond Cancer). Il-Politika, il-viżjoni strateġika nazzjonali u r-riċerka innovattiva f’Malta wkoll kienu temi ċentrali matul il-jum. 

“Qed niċċelebraw ukoll ir-riżultati u l-progress li għamilna fit-trattament tal-kanċer għall-pazjenti Maltin u Għawdxin. L-għan tagħna huwa li dejjem intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti,” qal Mr Clarence Pace, it-Tabib Ewlieni tal-Gvern.

L-għan ewlieni ta’ dan il-jum jibqa’ li joffri tama u appoġġ. It-tranżizzjoni għall-ħajja ta’ wara l-kanċer iġġib magħha sfidi uniċi, fosthom biżgħat ta’ rikorrenza u l-effetti sekondarji fit-tul. Permezz ta’ din il-konferenza, il-Ministeru qed itenni l-impenn tiegħu li jkompli jsaħħaħ is-servizzi tal-kura u l-appoġġ ħolistiku għall-pazjenti u l-familji tagħhom. 

L-istess jum iservi wkoll sabiex jingħata rikonoxximent mistħoqq lill-professjonisti kollha fil-qasam tas-saħħa li, b’dedikazzjoni u kura umana, jimxu id f’id mal-pazjenti f’kull pass ta’ dan il-vjaġġ. 

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Stejjer ta’ tama u kuraġġ waqt il-Konferenza Nazzjonali fil-Jum Nazzjonali tas-Sopravivenza mill-Kanċer 2026
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Stejjer ta’ tama u kuraġġ waqt il-Konferenza Nazzjonali fil-Jum Nazzjonali tas-Sopravivenza mill-Kanċer 2026
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives stresses the need for EU budget to reflect realities of smaller Member States

PR261923EN

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar

PR261923

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jis...

More Press Releases Right arrow