Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Insaħħu l-konnettività u nwessgħu l-ambizzjonijiet ta' pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela wara l-ewwel titjira diretta storika minn Delta Airlines minn New York għal Malta

PR260983
Date Icon 08/06/2026


F'konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat l-ewwel titjira diretta minn New York għal Malta mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-iżvilupp bħala ċelebrazzjoni tat-triq ta' pajjiżna favur it-tisħiħ tal-konnettività u l-ambizzjoni li għandna bħala pajjiż biex nimxu dejjem aktar 'il quddiem.

Fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg u rappreżentanti mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li t-titjira bejn l-Amerka u Malta hija turija oħra ta' fiduċja f'pajjiżna.

Quddiem il-fatt li t-titjiriet mill-ajruport ta' J. F. Kennedy fi New York u Malta se jsiru tliet darbiet fil-ġimgħa, Dr Abela qal li pajjiżna mhux biss se jkompli jilqa' turisti ta' kwalità iżda anke investituri u familji li jiġu jżuru pajjiżna. Qal li għandna opportunità akbar biex inkomplu nsaħħu l-koperazzjoni ekonomika mal-Istati Uniti.

Il-Prim Ministru nnota riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna fit-turiżmu u f'dak li għandu x'jaqsam mal-investiment li għaddej fl-ajruport internazzjonali ta' Malta. Qal li għall-ewwel darba, mill-ajruport għaddew miljun passiġġier fir-rebbiegħa. Dr Abela rrimarka għall-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li timbotta lil Malta bħala destinazzjoni turistika li tolqot il-ħtiġijiet ta' kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li gvern ġdid immexxi minnu se jkompli jagħti l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ fis-settur tal-enerġija u f'dak li għandu x'jaqsam mal-provvista biex l-industrija tal-avjazzjoni tkompli għaddejja bl-operat tagħha. Sostna li jħares 'il quddiem lejn aktar koperazzjoni biex it-turiżmu jibqa' jħalli valur miżjud f'pajjiż li qed ikompli jikseb ċertifikati ekonomiċi li juru s-saħħa ta' pajjiż bħalma hi Malta.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem, il-EUROSTAT innota li fl-ewwel kwart ta' din is-sena, Malta kellha l-aqwa tkabbir ekonomiku filwaqt li S&P Global Ratings ikkonfermaw rating u outlook stabbli għall-ekonomija Maltija.

Ritratt (OPM)

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Insaħħu l-konnettività u nwessgħu l-ambizzjonijiet ta' pajjiżna – il-Prim Ministru Robert Abela wara l-ewwel titjira diretta storika minn Delta Airlines minn New York għal Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives stresses the need for EU budget to reflect realities of smaller Member States

PR261923EN

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jisħaq fuq il-ħtieġa li l-baġit Ewropew iqis ir-realtajiet tal-Istati Membri ż-żgħar

PR261923

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jis...

More Press Releases Right arrow