STQARRIJA MID-DIRETTORAT GĦAT-TRATTAMENT XIERAQ TAL-ANNIMALI Spezzjonijiet konġunti jwasslu għas-salvataġġ ta’ tjur f’kundizzjonijiet ta’ negliġenza serja
F’dawn l-aħħar jiem, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, wettaq spezzjonijiet f’residenzi f’Santa Venera u f’Ħal Qormi. Dawn l-ispezzjonijiet jagħmlu parti mill-isforzi kontinwi biex jiġu investigati rapporti relatati mal-benesseri tal-annimali.
Matul dawn l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali sabu tjur li jinkludu numru kbir ta’ amorini u ħamiem f’kundizzjonijiet ħżiena u f’ambjent mhux adattat għall-benesseri tagħhom. Sfortunatament, numru sinifikanti kienu diġà mejta meta waslu l-uffiċjali fuq il-post.
Fl-ispezzjoni ta’ Ħal Qormi nstabet barumbara li kienet qed tintuża biex jinżamm ħamiem tat-tiġrija f’kundizzjonijiet allarmanti ta’ negliġenza. Fil-post instabu aktar minn ħamsin ħamiema mejta, filwaqt li erbgħa biss kienu għadhom ħajjin.
L-annimali ħajjin ġew ikkonfiskati immedjatament u ttieħdu għal eżami veterinarju sabiex jingħataw il-kura meħtieġa u jiġu trasferiti f’ambjent sigur u jirkupraw f’ambjent adegwat.
B’rabta ma’ dawn il-każi, is-sidien ta’ dawn l-annimali se jkunu soġġetti għal proċeduri legali relatati mal-moħqrija tal-annimali.
Dawn il-każi jenfasizzaw l-importanza li kull suspett ta’ negliġenza jew moħqrija fuq l-annimali jiġi rrappurtat mingħajr dewmien fuq il-freephone 153 ext. 17, sabiex tkun tista’ tittieħed azzjoni immedjata.
Other Press Releases:
PR261925EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...
PR261925