Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq

PR260899
Date Icon 20/05/2026

Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq, spazju miftuħ ta’ madwar 1,150m2 fejn qabel kien tarmak, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta’ Project Green u s-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima. Dan il-ġnien inbidel minn żona bit-tarmak, għal spazju miftuħ aċċessibbli f’żona residenzjali.

F’dan il-proġett ġie skavat ġibjun biex jiġbor fih l-ilma tax-xita mit-triq ħalli jintuża għat-tisqija tas-siġar u arbuxelli indiġeni. Ġiet installata sistema ta’ dawl solari, kif ukoll bankijiet u apparat ieħor li flimkien ħolqu spazju rikreattiv għall-komunità Żurrieqija.

Fis-sit ġie installat luzzu Malti, tal-mibki Gianni “l-Lixxu” Tonna, li ġie restawrat u ngħata b’donazzjoni lill-Kunsill Lokali bħala tifkira tiegħu. Dan il-luzzu tpoġġa fil-ġnien, inizjattiva kkordinata mis-Sindku flimkien ma’ Joseph Farrugia “t-Timba”, li assista fit-trasport u t-tħejjija tiegħu.

Fi Ġnien Misraħ il-Karmelitani tħawlu 40 siġra matura u 1,620 arbuxxell. 

Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Proġett ieħor lest. Proġett wara l-ieħor, qed inkomplu nressqu aktar spazji miftuħa u aċċessibbli fil-komunitajiet tagħna. Ġnien Misraħ il-Karmelitani huwa eżempju ċar ta’ kif żona li qabel kienet miksija bit-tarmak inbidlet fi spazju ambjentali, sigur u rikreattiv għall-familji, ir-residenti u t-tfal taż-Żurrieq. Spazji bħal dawn jagħmlu differenza  fil-ħajja ta’ kuljum, għax joħolqu postijiet fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu, jistrieħu u jqattgħu ħin ta’ kwalità fil-beraħ.”

“Dan il-proġett juri wkoll kif l-ambjent urban jista’ jitfassal b’mod aktar sostenibbli. Permezz tal-ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita, is-sistema ta’ dawl solari, u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli indiġeni, qed ninvestu f’infrastruttura ħadra li sservi lin-nies illum filwaqt li tgħin lill-komunitajiet tagħna jkunu aktar reżiljenti għall-isfidi ambjentali. Bħala Gvern, flimkien ma’ Project Green u l-kunsilli lokali, se nkomplu naħdmu biex aktar lokalitajiet ikollhom spazji miftuħa ta’ kwalità qrib id-djar tagħhom,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Perit tal-proġett, Daniel Tabone spjega kif f’dan il-ġnien wieħed jista’ jsib żona li fiha jista’ jospita sezzjonijiet tal-yoga. “F’kull proġett li naħdmu bħala Project Green, dejjem naraw li l-ispazji miftuħa jkollhom użi differenti tal-ġnien, li tmur lil hinn minn spazju miftuħ. Propju hawnhekk fi Ġnien Misraħ il-Karmelitani rajna li noħolqu spazju apposta għal sezzjonijiet ta’ yoga jew eżerċizzju ieħor – b’dan il-mod qed nagħtu opportunità lill-pubbliku biex jagħmel eżerċizzju għal ħajja aktar b’saħħitha,” irrimarka l-Perit Tabone. 

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u l-familjari ta’ Gianni Tonna.

Ġnien Misraħ il-Karmelitani, huwa fost 16-il proġett li ħabbret Project Green permezz tal-iskema Community Greening Grant.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien Misraħ il-Karmelitani fiż-Żurrieq
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow