STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Servizzi aktar moderni u aċċessibbli għas-saħħa mentali fil-komunità
Il-ħidma sabiex ikomplu jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità kompliet b'investiment fil-Richmond Foundation Well-being Centre fil-Mosta – ċentru modern u speċjalizzat li ser joffri kura, appoġġ terapewtiku u servizzi integrati għal persuni u familji li jagħmlu użu mis-servizzi ta' din il-Fondazzjoni u li ser jiġi mibni anke b'sostenn minn fondi tal-aġenzija Komunità Malta.
Waqt żjara fl-uffiċini tal-fondazzjoni, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri saħaq kif dan l-investiment juri l-impenn kontinwu sabiex aktar persuni jkollhom aċċess għal servizzi ta' saħħa mentali ta' kwalità fil-komunità.
Il-Ministru Camilleri qal li s-saħħa mentali tibqa' element importanti fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna u sostna li investimenti bħal dawn jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies. Huwa żied jgħid li ċentri bħal dawn jgħinu biex is-servizzi jkunu aktar qrib il-komunitajiet u aktar adattati għall-bżonnijiet differenti ta' dawk li jagħmlu użu minnhom.
Il-Ministru Camilleri spjega wkoll kif dan il-proġett jifforma parti minn ħidma usa' sabiex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità, inklużi inizjattivi oħra ffukati fuq it-tfal, l-adoloxxenti u l-integrazzjoni ta' persuni fis-suq tax-xogħol wara esperjenzi relatati mas-saħħa mentali.
Min-naħa tagħha, Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tar-Richmond Foundation, qalet li “dan iċ-ċentru huwa pass importanti ieħor fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Se joffri ambjent sigur, dinjituż u terapewtiku, iddisinjat biex jirrispondi għall-bżonnijiet reali tal-persuni u l-familji tagħhom."
Hija żiedet tgħid li permezz ta' appoġġ minn Komunità Malta u fondi Ewropej, il-Fondazzjoni ser tkompli tespandi s-servizzi tagħha, filwaqt li tkompli taħdem biex tnaqqas l-istigma marbuta mas-saħħa mentali u ssaħħaħ l-għarfien dwar l-importanza tagħha.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN