STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA Inawgurat Ġnien il-Madonna tal-Vitorja f'Pembroke
Inawgurat Ġnien il-Madonna tal-Vitorja f'Pembroke
Ġie inawgurat Ġnien il-Madonna tal-Vitorja f'Pembroke, spazju miftuħ ta' 2,250 metru kwadru li nbidel minn żona miksija bit-tarmak għal ġnien aċċessibbli u mħaddar fil-qalba ta' żona residenzjali. Il-ġnien ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta' Project Green u s-Sindku ta' Pembroke Kaylon Zammit.
Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif spazji urbani li ma jkunux qed jintużaw bl-aħjar mod jistgħu jinbidlu f'postijiet ta' mistrieħ, rikreazzjoni u kwalità ta' ħajja aħjar għar-residenti. Żona li qabel kienet miksija bit-tarmak u spiċċat tintuża għar-rimi tal-iskart, illum saret ġnien miftuħ, imħaddar u mgħammar biex jitgawda mill-komunità.
“Dak li qed naraw illum huwa frott ta' viżjoni ċara: li nressqu l-ispazji ħodor eqreb lejn in-nies. Ġnien il-Madonna tal-Vitorja juri kif anke spazji urbani jistgħu jagħmlu differenza kbira fil-ħajja ta' kuljum tar-residenti, bl-istess mod kif jagħmlu l-parks akbar fil-periferija tal-lokalitajiet tagħna. Illum, ir-residenti ta' Pembroke għandhom spazju fejn jistgħu jistrieħu, jimxu, jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin fil-kwiet, flok żona mitluqa bit-tarmak," qalet il-Ministru Dalli.
Fil-ġnien saru diversi interventi biex l-ispazju jkun aktar sigur, aċċessibbli u funzjonali. Dawn jinkludu pavimentar ġdid, l-użu ta' ġibjun eżistenti għat-tisqija tas-siġar u l-arbuxxelli, l-installazzjoni ta' bankijiet, ċnut u sistema ta' dawl solari, kif ukoll il-ħolqien ta' passaġġi ġodda.
Is-sostenibbiltà kienet fil-qalba ta' dan il-proġett. Tneħħew pjanti invażivi, filwaqt li l-ħamrija eżistenti fis-sit ġiet skavata b'mod temporanju u reġgħet intużat fl-istess proġett. Saru wkoll xogħlijiet strutturali, fosthom il-bini ta' ħitan bl-użu ta' blokok tal-ġebel riċiklat u xogħol ta' surface compaction.
Bħala parti mit-trasformazzjoni taż-żona, Project Green indirizzat ukoll il-bżonnijiet relatati mal-parkeġġ. Waqt li tneħħa l-asfalt biex jinħoloq il-ġnien, sar xogħol separat biex jiġu formalizzati spazji għall-parkeġġ tal-karozzi fil-viċinanzi.
Fil-Ġnien il-Madonna tal-Vitorja tħawlu 67 siġra, fosthom ħarruba ta' madwar sitt metri għoli u b'piż ta' madwar 4,000 kilogramma, li tinsab fiċ-ċentru tal-proġett. Tħawlu wkoll madwar 655 arbuxxell, biex il-ġnien ikompli jissaħħaħ bħala spazju naturali u attraenti għall-komunità.
Il-proġett tlesta u ġie inawgurat fi żmien sitt xhur, b'ħidma konġunta bejn Project Green, il-Kunsill Lokali ta' Pembroke u l-kuntratturi involuti.
Spazju biswit il-ġnien li kien iddedikat għall-qtates inżamm u ġie msebbaħ ukoll, wara konsultazzjoni pubblika mar-residenti. Dan juri kif il-proġett tfassal b'attenzjoni għall-bżonnijiet tal-komunità u għall-użu eżistenti taż-żona.
Liana Saliba Gazzano, Head of Implementation fi Project Green, qalet: “B'ħidma konġunta mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke, illum qed inwasslu spazju miftuħ ġdid fil-qalba tal-komunità. Dan huwa proġett li sar b'konsultazzjoni mar-residenti u b'rispett lejn il-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk inħeġġeġ lir-residenti biex jagħmlu użu minn dan il-ġnien u jgawduh bħala spazju li tassew sar min-nies għan-nies."
Is-Sindku ta' Pembroke, Kaylon Zammit qal, “Grazzi għall-kollaborazzjoni b'saħħitha bejn il-Kunsill Lokali ta' Pembroke u Project Green, wettaqna t-tieni proġett b'investiment għal spazju miftuħ biex jitgawda mill-familji. Medda art li kienet konkos u tarmak issa nbidlet fi spazju aħdar mgħammar b'dak kollu li wieħed jistenna sabiex iqatta' ftit ħin ta' mistrieħ mal-ħbieb u qraba tiegħu. Determinati li fiż-żmien li ġej, il-Kunsill ser ikompli jinvesti għar-residenti tiegħu bi proġetti bħal dawn, inkluż it-tisbiħ tal-picnic area u dog park fil-lokalità."
Ritratti: MEEC
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN