STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Twettqu kważi żewġ terzi tal-miżuri tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri
Il-konferenza annwali tal-Gender Mainstreaming Unit fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem ffokat fuq il-progress li sar mindu fl-2022 ġiet varata l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fejn twettqu kważi żewġ terzi tal-miżuri, u l-azzjonijiet li jridu jittieħdu biex tissaħħaħ l-ugwaljanza fejn din għadha nieqsa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg innotat li 66 miżura mill-104 tal-istrateġija twettqu fl-intier tagħhom. Qalet li b'rata ta' 63 fil-mija sar progress sinifikanti biex ikunu indirizzati l-inugwaljanzi. Osservat li bdiet ukoll l-implimentazzjoni fuq 28 fil-mija tal-azzjonijiet li jissemmew fl-istrateġija nazzjonali magħrufa bħala GEMSAP.
Waħda mit-temi ewlenin li ġew trattati matul il-konferenza kienet id-distakk bejn il-pensjonijiet minħabba li fil-passat kien hemm nuqqas ta' nisa fis-suq tax-xogħol. Is-Segretarju Parlamentari spjegat li din żviluppat mas-snin meta l-mara ma kienitx taħdem jew tieqaf taħdem malli tiżżewweġ. Kompliet li llum, bir-rata qawwija ta' parteċipazzjoni tal-mara fis-suq tax-xogħol, eventwalment din ser tkun solvuta.
Is-Segretarju Parlamentari semmiet sensiela ta' miżuri li ttieħdu fil-Budget minn dan il-Gvern biex jitnaqqas dan id-distakk u issir ġustizzja akbar man-nisa fil-pensjonijiet. Dawn jinkludu żidiet fil-pensjonijiet tar-romol u kumpens u pensjoni anke għan-nisa li kellhom inqas minn għaxar snin ta' bolol imħallsa.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li Malta għamlet progress kbir fl-ugwaljanza f'diversi oqsma kif indikat ukoll mill-indiċi Ewropew, iżda jonqos aktar x'isir. “L-ugwaljanza effettiva ma tagħmilx diskriminazzjoni la man-nisa u lanqas mal-irġiel iżda hija valur li ssaħħaħ id-dinjità u għalhekk il-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem favur l-ugwaljanza għal kulħadd," saħqet Rebecca Buttigieg. Għal dan il-għan, qalet li resqet abbozz ta' liġi fil-Parlament biex titwaqqaf struttura għall-ugwaljanza bil-poteri li tinvestiga każijiet ta' diskriminazzjoni.
L-implimentazzjoni tal-istrateġija GEMSAP qed issir b'kordinazzjoni mill-kumitat interministerjali maħtur apposta. Il-miri ewlenin tal-istrateġija jinkludu fost oħrajn li l-pajjiż ikollu mekkaniżmi istituzzjonali biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni, l-aċċess ugwali għax-xogħol u għall-indipendenza finanzjarja, li tissaħħaħ l-koresponsabiltà fil-ħajja tal-familja u l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi.
Ritratti: OPM_PS
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN