STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Maħtur Kummissarju ġdid għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data
Il-Kummissarju l-ġdid għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, Dr Reno Borg, illum ħa l-ġurament tal-ħatra fejn ingħata bidu għal mandat ġdid ta’ ħames snin skont l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap. 586).
Wara li ntemm il-mandat tal-Kummissarju preċedenti, Dr Borg ġie maħtur Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 11 tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data, kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern.
Il-ħatra hija valida għal perjodu ta’ ħames (5) snin b’effett mill-24 ta’ April 2026.
Il-Kummissarju se jwettaq id-dmirijiet tiegħu skont l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap. 586), il-Kapitolu VI tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679, l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496), l-Att dwar l-Użu mill-Ġdid ta’ Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (Kap. 546), u liġijiet oħra applikabbli f’Malta.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard qal li “il-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Reno Borg jimmarka mument importanti fit-tisħiħ kontinwu tal-qafas ta’ Malta għall-protezzjoni tad-data u l-governanza tal-informazzjoni. Nifraħ lil Dr Borg għall-ħatra tiegħu. Il-bażi legali soda u l-esperjenza estensiva tiegħu, inkluż ir-rwol tiegħu bħala l-ewwel Arbitru tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, jagħmluh persuna adattata biex imexxi l-uffiċċju importanti b’indipendenza, professjonalità u integrità, fl-interess taċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi u s-saltna tad-dritt.”
Dr Reno Borg serva bħala avukat għal aktar minn 30 sena. Huwa ggradwa mill-Università ta’ Malta. Matul is-snin ħadem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, serva bħala chairman ta’ diversi entitajiet tal-istat, Chairman tal-Bank of Valletta u bħala arbitru taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Huwa wkoll Lettur tal-liġi ċivili fl-Università ta’ Malta.
Il-Gvern jerġa’ jafferma l-impenn tiegħu fejn jidħlu l-protezzjoni tad-data personali, il-promozzjoni tat-trasparenza, u l-infurzar effettiv tad-drittijiet dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għall-informazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea.
Il-Gvern jesprimi l-apprezzament tiegħu lejn is-Sur Ian Deguara għas-servizz u l-kontribut tiegħu matul il-mandat tiegħu bħala Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN