STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar dokument ġdid ta’ linji gwida fl-ippjanar li jirregola avvenimenti u faċilitajiet sportivi temporanji fil-beraħ f’żoni rurali
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar il-ftuħ ta' konsultazzjoni pubblika mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar dokument ġdid ta' linji gwida fl-ippjanar li jirregola avvenimenti u faċilitajiet sportivi temporanji fil-beraħ f'żoni rurali.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “din l-inizjattiva qiegħda tiġi kkunsidrata wara ż-żieda fin-numru ta' proposti għal attivitajiet sportivi temporanji fil-beraħ, bħalma huma obstacle courses u avvenimenti fuq passaġġi, li qegħdin isiru f'żoni rurali u fil-kampanja. Filwaqt li dawn l-attivitajiet huma rikonoxxuti b'mod wiesa' bħala ta' benefiċċju għal rikreazzjoni u għal stil ta' ħajja mtejjeb, il-policy attwali tal-ippjanar ma tipprovdix kriterji operattivi dettaljati jew parametri sabiex jiġu evalwati s-siti fejn dawn l-iżviluppi jistgħu jkunu permessi."
Il-qafas eżistenti tal-ippjanar, inklużi l-iStrategic Plan for the Environment and Development (SPED) u r-Rural Policy and Design Guidance (RPDG), jirrikonoxxi li ċerti użi rikreattivi jistgħu jkunu xierqa f'żoni rurali meta jkunu kompatibbli mal-pajsaġġ rurali, ambjentalment responsabbli u reversibbli. Madanakollu, in-nuqqas ta' linji gwida nazzjonali dedikati ħoloq diffikultà kif għandhom jiġu evalwati dawn l-applikazzjonijiet b'mod konsistenti.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li għalhekk dawn il-linji gwida l-ġodda għandhom l-għan li jistabbilixxu qafas ċar li jibbilanċja l-opportunitajiet ta' rikreazzjoni mal-protezzjoni tal-ambjent rurali ta' Malta.
L-għanijiet tal-linji gwida proposti jinkludu:
• Ir-regolamentazzjoni ta' avvenimenti sportivi temporanji fil-beraħ b'mod li jħares l-ambjent rurali u naturali, filwaqt li jwassal għal stil ta' ħajja mtejjeb u rikreazzjoni fil-komunità.
• Il-kunsiderazzjoni ta' użi leġittimi u ta' impatt baxx tal-art rurali għal attivitajiet sportivi temporanji, skont l-għanijiet nazzjonali tal-ippjanar.
• Li jiġi żgurat li permessi temporanji ma jwasslux għal urbanizzazzjoni permanenti u li l-installazzjonijiet kollha jibqgħu kompletament riversibbli.
• Li jiġu pprovduti linji gwida ċari kemm għall-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll għall-applikanti meta jiġu evalwati proposti għal dawn l-attivitajiet.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li “l‑avvenimenti sportivi fil‑beraħ għandhom rwol importanti fil‑promozzjoni ta' stil ta' ħajja attiva, iżda jeħtieġ li jkunu ppjanati u mmaniġġjati b'attenzjoni. Bil-ħolqien ta' dawn il-linji gwida ġodda, se nkunu qed nipprovdu ċarezza kemm għall‑applikanti kif ukoll għal dawk li jieħdu d‑deċiżjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li l‑użu temporanju jibqa' verament temporanju, f'rispett sħiħ lejn l-ambjent rurali."
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-linji gwida l-ġodda tal-ippjanar se jgħinu biex jiġi żgurat li l-avvenimenti sportivi fil-beraħ ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw b'mod strutturat u responsabbli, filwaqt li tiġi protetta l-art agrikola, is-siti ta' Natura 2000 u pajsaġġi ta' valur ambjentali għoli.
L-Awtorità tal-Ippjanar tistieden lill-pubbliku biex jippreżenta kummenti dwar il-linji gwida proposti. Is-sottomissjonijiet għandhom isiru permezz tal-formola uffiċjali online disponibbli fuq www.publicconsultation.gov.mt. Għal kjarifiki tista' tintbagħat email lill-Awtorità tal-Ippjanar fuq temporary.sports@pa.org.mt. Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mit-12 ta' Mejju 2026.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN