STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Festa Laħam 2026: Opportunità oħra biex il-familji Maltin jiċċelebraw u japprezzaw iktar il-kwalità u l-versatilità tal-laħam lokali
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar li għar-raba' edizzjoni ta' Festa Laħam il-familji Maltin se jkollhom opportunità oħra biex jiċċelebraw u japprezzaw aktar il-kwalità u l-versatilità tal-laħam lokali. Din l-attività tgħaqqad flimkien il-familji Maltin u l-operaturi tas-settur, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-valur tal-prodott lokali.
Festa Laħam se ssir fil-Biċċerija Pubblika nhar is-Sibt 2 ta' Mejju mis-6 ta' filgħaxija 'l quddiem u se tkun attività għall-familja kollha, mibnija fuq erba' pilastri fundamentali fil-Biċċerija Pubblika: il-kwalità tal-laħam lokali, il-wirt agrogastronomiku Malti, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ikel, u l-komunità tal-Marsa li ilha tospita l-istituzzjoni għal 129 sena.
Waqt din l-attività, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jżuru l-impjant tal-Biċċerija Pubblika u japprezzaw l-investimenti li saru matul l-aħħar snin biex jissaħħu l-iġjene, is-sigurtà u l-kwalità tal-prodott Malti.
Fost il-parteċipanti se jkun hemm il-Koperattiva ta' Min Irabbi l-Majjali bil-prodotti “Majjal ta' Malta", ix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż, il-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, kif ukoll entitajiet kummerċjali oħra fis-settur. L-attività qed tittella' bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Marsa u għaqdiet oħra lokali.
Il-Biċċerija Pubblika flimkien mal-Malta Chef Society se joffru dewqan ta' prodotti tradizzjonali Maltin bħall-mazzit u l-kirxa, kif ukoll qriemeċ u zalzett Malti, flimkien ma' prodotti innovattivi li jżidu l-valur tal-prodott lokali.
Festa Laħam 2026 se tinkludi wkoll programm varjat għall-familji u t-tfal, b'animazzjoni, attivitajiet edukattivi u kontribuzzjoni minn Esplora b'approċċ xjentifiku interattiv. Se jkun hemm ukoll live cooking u sessjonijiet ta' riċetti innovattivi, kif ukoll esebizzjoni edukattiva dwar il-parċmina.
F'dawn l-aħħar snin, il-Biċċerija Pubblika kompliet tinvesti biex issaħħaħ il-kwalità u l-valur tal-prodott lokali. Ġew introdotti mill-ġdid prodotti bħall-kirxa u l-mazzit, li kienu sparixxew mis-suq għal madwar għoxrin sena, wara investiment f'faċilitajiet moderni ta' proċessar iġeniku mingħajr preservattivi. Sar ukoll investiment f'impjant ġdid għat-tqattigħ, l-ipproċessar u l-ippakkjar tal-laħam tal-majjal, kif ukoll sistemi li jtejbu l-kwalità waqt it-tisjir, iddisinjati biex jissodisfaw standards għoljin ta' iġjene u jsaħħu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tas-settur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN