STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Bl-għajnuna ta’ Special Olympics qed naraw l-isport jiġi elevat u jsir aktar inklużiv – Dr Lydia Abela waqt attività sportiva bil-għan li tissaħħaħ l-inklużjoni fl-iskejjel
Mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela attendiet għal attività sportiva organizzata fl-Iskola Helen Keller, b’kollaborazzjoni bejn l-Iskola Primarja San Benedittu Qrendi, il-Kulleġġ San Benedittu u Special Olympics Malta.
Din l-inizjattiva laqqgħet flimkien 80 student, fosthom studenti b’diżabilità fiżika, f’esperjenza sportiva komuni li ppromwoviet l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u r-rispett reċiproku.
Dr Lydia Abela, li hija wkoll il-President ta’ Special Olympics Malta, iddeskriviet din l-inizjattiva bħala waħda brillanti u li tagħti eżempju ċar tal-inklużività.
“Din hija l-ewwel skola fejn qed naraw kollaborazzjoni bejn San Benedittu, Helen Keller u l-Iskola Primarja San Benedittu, li bl-għajnuna ta’ Special Olympics qed naraw l-isport jiġi elevat u jsir aktar inklużiv,” qalet Dr Lydia Abela.
Hija żiedet tgħid li hemm pjanijiet biex ’il quddiem jinkludu skejjel oħrajn, fejn Special Olympics tuża r-riżorsi tagħha, bħal apparat u coaches, biex l-isport fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex isir dejjem aktar inklużiv.
Dr Abela temmet tgħid li l-isport huwa mezz importanti u b’saħħtu ħafna għall-inklużjoni.
Matul din l-attività ngħatat importanza partikolari lill-Motor Activity Training Programme (MATP) – programm li għandu rwol kruċjali biex jappoġġja studenti bi bżonnijiet kumplessi jipparteċipaw b’mod attiv ma’ sħabhom.
Mart il-Prim Ministru rringrazzjat lill-edukaturi, u lill-entitajiet kollha involuti għall-impenn tagħhom favur skejjel u komunitajiet dejjem aktar inklużivi.
L-iskola Helen Keller hija l-ewwel skola f’pajjiżna li ngħatat ir-rikonoxximent Unified Champions minn Special Olympics.
Għal din l-attività kien hemm ukoll preżenti l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN