STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tospita l-ewwel round tal-kampjonati dinjija UIM Pleasure Navigation
Wara waqfa qasira, Voomquest qed jirritorna bi programm ieħor ta’ tlielaq tal-powerboats matul tmiem il-ġimgħa. Dawn it-tlielaq se jkunu qed joffru spettaklu madwar il-Port il-Kbir kif ukoll Tas-Sliema filwaqt li jqiegħdu lil Malta fuq quddiem fix-xena internazzjonali ta’ dan l-isport.
Malta se tkun qed tospita l-ewwel round tal-Kampjonati Dinjija UIM Pleasure Navigation bejn is-17 u d-19 ta’ April 2026, organizzat minn Voomquest taħt l-awspiċi tal-Malta Powerboat Federation u l-Union Internationale Motonautique (UIM). Dan l-avveniment se jilqa’ flotta internazzjonali li se tikkompeti f’diversi klassijiet. Total ta’ 28 tim minn diversi pajjiżi fosthom Malta, il-Belġju, l-Italja u l-Ingilterra se jkunu qed jieħdu sehem.
Il-kampjonat se jinkludi programm sħiħ ta’ tlielaq u testijiet, li jibda b’ġirjiet ta’ veloċità f’linja dritta fil-Port il-Kbir qabel ma jgħaddu għal tlielaq fuq ċirkwit barra minn Tas-Sliema b’tul ta’ 3.54 mil nawtiku. Il-qalba tal-avveniment huwa bbażat f’Boilers Wharf fl-Isla, fejn it-timijiet għaddejjin bil-preparazzjoni tagħhom.
Matul tmiem il-ġimgħa, il-kompetituri se jikkontestaw żewġ tlielaq uffiċjali tal-Kampjonat Dinji, flimkien ma’ avvenimenti nazzjonali ta’ straight-runs, li jwasslu għal ċerimonja ta’ premjijiet il-Ħadd filgħaxija.
Is-Sibt, l-ispettaturi jistgħu jsegwu s-sessjonijiet ta’ prattika bejn l-10:00 u 12:00, u t-tiġrijiet bejn is-14:00 u l-16:00. Il-Ħadd, l-aħħar tiġrija isseħħ madwar l-10:30 ta’ filgħodu sas-13:00 ta’ wara nofsinhar. Sessjonijiet oħra ta’ straight-runs huma skedati għall-Ħadd bejn is-14:00 u l-17:00, bl-aħjar veduta tkun mill-ponta tal-Isla (Xatt Juan B Azopardo).
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħeġġeġ lin-nies biex jattendu għal dan l-avveniment li ser jittrasforma l-attività marittima li wieħed normalment jara fil-Port il-Kbir u l-ibħra Maltin. “Dan huwa avveniment organizzat mill-Maltin bl-appoġġ totali tal-Gvern, li se jkompli jesponi t-talent u l-ħiliet tal-isportivi Maltin fil-qasam tal-powerboats filwaqt li jirrifletti l-kredenzjali b’saħħithom li pajjiżna għandu biex jospita avvenimenti sportivi fuq livell internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, Aaron Ciantar, pijunier ta’ dan l-isport u rebbieħ ta’ħames kampjonati dinjija tal-UIM qal: “Li nġibu round tal-Kampjonat Dinji f’Malta hija xi ħaġa li aħna kburin ħafna biha. Dan l-avveniment jirrifletti l-progress li għamilna bħala sport, u l-ambizzjoni tagħna li nkomplu nsaħħu l-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni importanti għat-tlielaq internazzjonali tal-powerboats. Wara żmien qasir ta’ pawsa, huwa b’ħeġġa li nerġgħu lura b’avveniment ta’ dan il-livell u nuru x’aħna kapaċi nagħmlu kemm fl-ibħra tagħna kif ukoll bħala timijiet.”
L-avveniment huwa sponsorjat minn imsieħba ewlenin fosthom Transport Malta, Visit Malta u Enemed, li jkomplu jenfasizzaw l-għajnuna li l-Gvern ikompli joffri lil dan l-isport li jikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir ta’ turiżmu sportiv u jkabbar il-viżibilità internazzjonali ta’ pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN