STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Jitlaqqa’ l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali biex ikompli jsaħħaħ il-miżuri favur il-benesseri tal-annimali
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendiet għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali, liema laqgħa kompliet tikkonsolida l-ħidma li qed issir f’pajjiżna biex jissaħħu l-miżuri u l-inizjattivi favur il-benesseri tal-annimali.
Din il-laqgħa serviet bħala pjattaforma fejn ġew diskussi numru ta’ inizjattivi li qed jitwettqu bħalissa, kif ukoll inizjattivi ġodda li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-benesseri tal-annimali.
Matul il-laqgħa ġew indirizzati diversi temi marbuta mal-ħarsien tal-annimali, fosthom il-bżonn ta’ aktar sensibilizzazzjoni pubblika, it-tkomplija ta’ infurzar tar-regolamenti eżistenti, u l-promozzjoni ta’ inizjattivi edukattivi li jrawmu aktar responsabbiltà fost is-sidien tal-annimali.
Ġiet spjegata wkoll il-ħidma li qed issir permezz ta’ kampanji nazzjonali u attivitajiet komunitarji li qed iġibu flimkien lill-familji u l-annimali domestiċi tagħhom biex jiżdied aktar l-għarfien dwar il-ħarsien xieraq tal-annimali, kif ukoll issemmiet l-iskema biex jiżdiedu aktar spazji pubbliċi fil-lokalitajiet għall-annimali domestiċi u s-sidien tagħhom. Ġie diskuss ukoll kif wieħed jista’ jindirizza b’mod aktar effettiv sitwazzjonijiet fejn annimali jispiċċaw f’kundizzjonijiet degradati.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “Din il-laqgħa kompliet tibni fuq il-ħidma li diġà qed issir fil-qasam tal-benesseri tal-annimali. Qegħdin naraw progress konkret permezz ta’ inizjattivi u miżuri li mhux biss isaħħu s-servizzi, iżda wkoll iżidu l-għarfien u r-responsabbiltà fis-soċjetà tagħna, sabiex niżguraw li l-annimali jingħataw il-protezzjoni u l-kura li jistħoqqilhom.”
“L-għan jibqa’ li nkomplu naħdmu b’mod koordinat ma’ diversi stakeholders, inklużi l-kunsilli lokali u l-komunità, sabiex nibnu kultura aktar b’saħħitha ta’ ħarsien xieraq tal-annimali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari.
Din il-laqgħa tifforma parti minn impenn kontinwu biex jiġu implimentati miżuri konkreti li jsaħħu l-protezzjoni tal-annimali, filwaqt li jkomplu jiġu promossi inizjattivi li jinkoraġġixxu aktar responsabbiltà lejn l-annimali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN