STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Imnedija l-Iskema ġdida Get Qualified allinjata ma’ Viżjoni Malta 2050
Il-Gvern nieda verżjoni ġdida u mtejba tal-iskema Get Qualified, inizjattiva li fl-aħħar snin irreġistrat suċċess sinifikanti u li issa qed tiġi allinjata mal-miri ambizzjużi tal-Viżjoni Malta 2050.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, spjega kif permezz ta' din l-iskema, imħaddma minn Malta Enterprise, il-Gvern se jkompli jinvesti fil-kapital uman billi jappoġġja liż-żgħażagħ u l-ħaddiema biex jiksbu jew itejbu l-ħiliet tagħhom.
“Permezz tal-Get Qualified, qed nagħtu opportunità konkreta lill-ħaddiema biex jinvestu fihom infushom, filwaqt li jibbenefikaw sa 70% rifużjoni f'krediti tat-taxxa fuq l-ispejjeż tal-istudju tagħhom," sostna l-Ministru Schembri.
L-iskema se tibqa' fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2030, sabiex tipprovdi stabbiltà fit-tul u ċertezza kemm lill-istudenti kif ukoll lill-industrija.
Modernizzazzjoni biex tilqa' għall-ħtiġijiet tal-ekonomija
L-iskema se tkompli tappoġġja lil dawk eliġibbli li jlestu b'suċċess korsijiet approvati, iżda issa qed tiġi modernizzata biex tirrifletti aħjar ir-realtajiet ġodda tas-suq tax-xogħol u l-bżonnijiet tal-industrija.
Fost l-għanijiet ewlenin tagħha:
- Allinjament aktar qawwi mal-prijoritajiet ekonomiċi tal-pajjiż
- Promozzjoni ta' studji relevanti għall-industrija
- Enfasi fuq suġġetti STEM
- Integrazzjoni tal-Higher Qualification Scheme
Inċentivi ġodda u aktar b'saħħithom
Bl-iskema l-ġdida:
• L-appoġġ se jibqa' jingħata permezz ta' krediti tat-taxxa fuq spejjeż eliġibbli
• Se jiġi introdott bonus fiskali addizzjonali għal kwalifiki f'oqsma STEM
• Se jingħata appoġġ ukoll għal dawk li jlestu studji ta' livell ta' dottorat
Il-Ministru Schembri żied jgħid li: “Wara t-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050, il-pass naturali li jmiss huwa li nibnu forza tax-xogħol b'ħiliet avvanzati. Dan se jippermettilna nżidu l-valur miżjud tal-ekonomija tagħna u ntejbu l-produttività nazzjonali."
Miżuri ġodda biex titnaqqas il-burokrazija u jiżdied l-aċċess
Il-Get Qualified 2026 jintroduċi wkoll diversi titjib importanti:
- Estensjoni tal-perjodu ta' użu tal-kreditu tat-taxxa għal 15-il sena
- Possibbiltà li wieħed jibbenefika minn krediti sa erba' korsijiet f'perjodu ta' ħames snin
- Sistema aktar ġusta bbażata fuq ECTS jew sigħat ta' tagħlim
- Tnaqqis fil-burokrazija permezz ta' ftehimiet diretti ma' istituzzjonijiet edukattivi
Dawn il-miżuri huma mfassla biex jagħmlu l-iskema aktar aċċessibbli, effiċjenti u allinjata mar-realtajiet tal-edukazzjoni moderna.
Aktar dettalji dwar l-iskema jistgħu jinkisbu minn: https://maltaenterprise.com/GetQualified2026.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN