STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tisħaq fuq flessibbiltà u appoġġ Ewropew fis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd
Fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo attenda l-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-AGRIFISH, li saret fit-30 ta’ Marzu 2026.
Matul id-diskussjoni dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija fis-settur tas-sajd, Malta enfasizzat il-ħtieġa ta’ approċċ realistiku, proporzjonali u gradwali, b’aktar flessibbiltà u appoġġ finanzjarju, speċjalment għal sajd fuq skala żgħira. Ġiet issottolinjata wkoll l-importanza ta’ kundizzjonijiet ekwi sabiex is-sajjieda Ewropej ma jkunux żvantaġġati meta mqabbla ma’ dawk minn pajjiżi terzi.
Dwar il-Viżjoni għall-Agrikoltura u l-Ikel, Malta rrikonoxxiet il-progress li sar f’din l-ewwel sena ta’ implementazzjoni, iżda saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar flessibbiltà u simplifikazzjoni fil-Politika Agrikola Komuni tal-futur, partikolarment fir-rigward fl-aċċessibilità tal-għodod ta’ kumpens għal kriżijiet u ta’ ġestjoni tar-riskju, fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi attwali u l-volatilità fis-swieq.
Fil-qasam ta’ kummerċ, Malta appellat għal valutazzjonijiet regolari tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq il-produtturi Ewropej u enfasizzat il-pressjoni li qed jesperjenza bħalissa s-settur tal-majjal minħabba żieda fil-prezzijiet ta’ produzzjoni u tnaqqis fil-prezz tal-prodotti importati, u għaldaqstant talbet għal appoġġ adegwat lill-produtturi milquta.
Il-Ministru Anton Refalo qal li, “Huwa kruċjali li nkomplu nibnu politika Ewropea li tkun flessibbli u realistika, li tipproteġi lill-produtturi tagħna u ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-setturi primarji.”
Il-Ministeru se jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri l-oħra sabiex dawn il-prijoritajiet jiġu tradotti f’miżuri konkreti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN