STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Jinfetaħ spazju naturali ta' madwar 4,000 metru kwadru ħdejn ir-Riserva tas-Simar
Żona ta' madwar 4,000 metru kwadru, li għal snin twal kienet mitluqa u affettwata minn skart illegali, issa nbidlet kompletament.
Flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, fil-preżenza tat-tim ta' Project Green, membri tal-kunsill lokali u rappreżentanti ta' BirdLife Malta, ġie inawgurat spazju ambjentali li ġie rranġat mill-ġdid u jinsab ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Simar f'San Pawl il-Baħar.
Permezz ta' dan il-proġett ġiet irranġata ż-żona b'mod li jirrispetta l-ambjent kif ukoll iħares is-sigurtà u jassigura l-aqwa esperjenza għan-nies li jżuruha. L-interventi komplew iżidu wkoll il-valur tar-riserva naturali li hemm fil-qrib, parti min-Natura 2000.
“Proġett ieħor lest, spazju ieħor miftuħ. Dan il-proġett huwa eżempju ċar ta' kif nistgħu nibdlu spazji mitluqa f'żoni ta' valur ambjentali u soċjali. B'dan l-investiment irrestawrajna ekosistema sensittiva, u tajna lura spazju sigur, aċċessibbli u edukattiv lin-nies. Ir-Riserva tas-Simar li hawn ħdejn dan l-ispazju hija parti importanti min-network Natura 2000, u għalhekk kull intervent sar b'rispett sħiħ lejn il-bijodiversità tagħha. Dan huwa pass ieħor fil-ħidma tagħna biex inkomplu nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tan-nies filwaqt li nipproteġu l-wirt naturali ta' pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan l-investiment juri b'mod ċar kif il-fondi Ewropej qed jintużaw biex jissaħħaħ l-ambjent naturali, titħares il-bijodiversità u jiżdiedu l-ispazji aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa sostna li interventi bħal dawk li saru s-Simar huma parti minn viżjoni usa' li tgħaqqad il-ħarsien tan-natura mal-kwalità tal-ħajja tan-nies. “Dan l-investiment mhux biss isaħħaħ il-bijodiversità u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent naturali, iżda jagħti wkoll valur miżjud lill-komunitajiet billi joffri spazji ta' mistrieħ u rikreazzjoni f'ambjent naturali protett. Qed inkomplu ninvestu f'inizjattivi li jsaħħu r-reżiljenza ambjentali ta' pajjiżna u li jħallu impatt pożittiv fit-tul għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta' għada," temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
L-interventi taw prijorità lis-sigurtà, l-aċċessibilità u s-sostenibbiltà ta' dan il-post. Mil-lat ta' sigurtà, ġew installati sistemi ta' CCTV, saru l-ħitan, bibien u ċnut biex jiġi evitat aktar tfigħ ta' skart illegali u dħul bla permess. Ġew inklużi wkoll miżuri kontra n-nirien.
Mill-aspett ta' aċċessibilità, saru mogħdijiet u rampi li anke jħallu l-ilma jgħaddi, flimkien ma' faċilitajiet pubbliċi aċċessibbli għal kulħadd, skont il-linji gwida Accessibility for All. Is-sit issa jista' jintlaħaq minn aktar minn 700 resident li jgħixu 10 minuti mixi 'l bogħod.
Ix-xogħol fuq il-pajsaġġ sar b'mod li jirrispetta l-valur ekoloġiku taż-żona. Tħawlu pjanti indiġeni addattati għall-ekosistema ta' din ir-riserva u ġiet implimentata sistema sostenibbli għat-tisqija. Tpoġġiet għamara magħmula minn materjal riċiklat, bankijiet tal-piknik, siġġijiet, u bins għar-riċiklaġġ. Skont ir-regoli tan-Natura 2000 u minħabba s-sensittività tal-bijodiversità tas-sit, ma ġiex installat dawl.
Madwar il-park ġew installati wkoll pannelli edukattivi u informattivi li jispjegaw ir-regoli tas-sit, mappa ġenerali bit-trails u punti importanti, l-istorja kulturali u ekoloġika, messaġġi dwar il-protezzjoni tal-annimali, informazzjoni dwar l-abitat u spjegazzjonijiet dwar speċi protetti taħt direttivi tal-UE.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN