STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Riġenerazzjoni li tagħti nifs ġdid lill-Baħrija
Fi ftit ġimgħat oħra, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jibda proġett ambizzjuż ta' riġenerazzjoni fil-Pjazza tal-Baħrija, fir-Rabat, b'investiment sostanzjali ta' €1.3 miljun fuq medda ta' madwar 2400 metru kwadru. Dan il-proġett huwa maħsub biex jagħti ħajja ġdida lil din il-pjazza ċentrali u importanti għall-komunità tal-Baħrija, filwaqt li jtejjeb kemm l-estetika kif ukoll il-funzjonalità tagħha.
Permezz ta' dan ix-xogħol, iż-żona se tinbidel minn spazju li bħalissa huwa limitat fl-użu tiegħu għal wieħed aktar attraenti, sigur u aċċessibbli għal kulħadd. Il-pjazza se tiġi ttrasformata fi spazju miftuħ modern li jservi bħala punt ta' laqgħa għall-familji, residenti u viżitaturi, filwaqt li jżid il-kwalità tal-ħajja ta' dawk li jgħixu fil-madwar u ta' dawk li jżuruha regolarment.
Ix-xogħlijiet se jinkludu titjib infrastrutturali madwar il-Knisja, b'servizzi ġodda u aktar effiċjenti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-lum. Barra minn hekk, se jsir intervent estensiv ta' landscaping li mhux biss ineħħi l-ħaxix ħażin, iżda jintroduċi aktar siġar u pjanti, biex jinħoloq ambjent aktar naturali.
Fost l-elementi ewlenin tal-proġett hemm ukoll il-ħolqien ta' parkeġġ ġdid u modern minflok dak eżistenti, li se jkun aktar organizzat u aċċessibbli, b'enfasi fuq sigurtà u konvenjenza. Barra minn hekk, se jiġi installat dawl arkitettoniku ġdid li jsaħħaħ il-karattru u s-sbuħija tal-pjazza, speċjalment filgħaxija, filwaqt li jżid is-sigurtà. Se jinbena wkoll ġibjun ġdid biex jippermetti ħażna u użu aktar effiċjenti tal-ilma, li huwa pass importanti lejn sostenibbiltà ambjentali akbar. Biex tkompli tissaħħaħ l-attraenza tal-pjazza, se jiġu installati wkoll funtani ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal, “Il-komunità tal-Baħrija ingħatat kelma li din il-Pjazza ser nirriġenerawha fi spazju pubbliku u miftuħ sabiex ir-residenti ta' din il-komunità igawdu minn dan l-investiment li qed noħolqu flimkien. Fi ftit ġimgħat oħra ser jibda x-xogħol biex verament nagħtu lill-Baħrija spazju miftuħ kif jixraq."
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal kif dan il-proġett huwa importanti. “F'dan il-proġett se nikkonvertu din iż-żona fi Pjazza pedonali," kompla s-Sindku, filwaqt li rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari talli din il-ħolma se ssir realtà.
Ir-rettur tal-Knisja tal-Baħrija, Fr Ray Francalanza, nnota b'sodisfazzjon li se jitwettaq dan il-proġett fejn il-komunità ikollha fejn tiltaqa'. Fr Francalanza saħaq ukoll kif dan il-proġett se jsebbaħ din iż-żona li hi għall-qalb il-komunità tal-Baħrija.
Dawn l-interventi kollha flimkien huma maħsuba biex jagħtu lill-Pjazza tal-Baħrija identità ġdida, filwaqt li jirrispettaw il-karattru tradizzjonali ta' din il-pjazza u jsaħħu r-rabta bejn il-komunità u l-ispazju pubbliku.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN