STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Tnedija tat-tielet edizzjoni tal-kompetizzjoni ‘Fishing for Recipes’
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret it-tielet edizzjoni tal-kompetizzjoni 'Fishing for Recipes' waqt attività li saret fl-Iskola Primarja taż-Żejtun.
Din l-inizjattiva qed tiġi organizzata b'mod konġunt mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, u tiffoka fuq l-edukazzjoni, is-sostenibbiltà u l-involviment tal-komunità.
Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal studenti ta' bejn id-9 u l-15-il sena u tinkoraġġixxi l-użu ta' ħut lokali, b'enfasi fuq speċi inqas użati, filwaqt li tippromwovi tisjir kreattiv u drawwiet ta' ikel aktar b'saħħithom.
Il-parteċipanti huma mitluba joħolqu riċetta oriġinali bl-użu ta' ħut minn lista approvata u jissottomettuha flimkien ma' ritratti tal-proċess u d-dixx finali. L-applikazzjonijiet huma miftuħa bejn l-24 ta' Marzu u t-13 ta' April 2026 u għandhom jintbagħtu fuq fishingforrecipes.mafa@gov.mt.
Ġurija professjonali se tagħżel l-aqwa għaxar finalisti li se jipparteċipaw f'fażi finali live waqt il-Malta Agrifair fl-MFCC fid-19 ta' April 2026, fejn se jiġu evalwati fuq it-togħma, il-preżentazzjoni u l-oriġinalità. Il-parteċipanti kollha se jirċievu ċertifikati, filwaqt li l-aqwa parteċipanti se jingħataw premjijiet.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li din l-inizjattiva tkompli tħeġġeġ konsum aktar sostenibbli u apprezzament lejn il-prodott lokali. “Permezz ta' din l-inizjattiva qed nagħtu opportunità lit-tfal biex jiżviluppaw il-kreattività tagħhom filwaqt li jifhmu aħjar il-valur tal-ħut lokali u l-importanza ta' konsum sostenibbli. Huwa importanti li minn età żgħira ngħallmu lil uliedna biex jikkunsmaw ikel nutrittiv li hu ta' benefiċċju għal saħħithom."
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tas-Servizzi tas-Sajd Dennis Sciberras enfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien dwar speċi ta' ħut inqas użat. “Din il-kompetizzjoni tgħin biex inqajmu aktar għarfien dwar il-varjetà ta' ħut li għandna fl-ilmijiet tagħna u ninkoraġġixxu konsum aktar diversifikat u sostenibbli, filwaqt li nżidu l-apprezzament lejn is-settur tas-sajd lokali."
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-isforzi kontinwi sabiex jiġu mħeġġa tfal u studenti jesploraw it-tradizzjonijiet tas-sajd f'Malta u jiżviluppaw ħiliet ġodda permezz ta' esperjenzi prattiċi u kreattivi.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN