STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Imġedded il-ftehim soċjali ma’ Paulo Freire Institute
Sapport fil-komunità permezz ta' ħidma li tgħin l-aktar dawk f'solitudni
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ l-impenn tiegħu sabiex jgħin aktar persuni jsaħħu lilhom infushom wara sitwazzjonijiet personali li jkunu għaddew minnhom u li jkunu affettwaw ħajjithom.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali li għandu ma' Paulo Freire Institute. Matul l-aħħar snin, Paole Freire serva ta' punt ta' referenza għal bosta persuni li kellhom bżonn għajnuna b'rabta mas-solitudni u l-illitteriżmu, fost oħrajn.
“Dan il-Ministeru jemmen fil-ħidma ta' Paulo Freire. Huwa ta' sodisfazzjon għalina li għal darb'oħra, qegħdin inġeddu dan il-ftehim li permezz tiegħu se nkunu qed ninvestu ftit aktar minn €300,000 dovuti għal servizzi ta' social workers u anke psikoterapija," stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Falzon kompla jgħid li matul l-aħħar snin il-Ministeru kien ta' sostenn għal ħafna għaqdiet volontarji u mhux governattivi. Dan bil-għan li jaċċerta li dawn l-għaqdiet ikollhom l-għodod kollha neċessarji sabiex jagħtu s-sapport lil dawn il-persuni vulnerabbli.
Min-naħa tiegħu, Fr Edgar Busuttil li jmexxi Paulo Freire stqarr li ftehimiet bħal dawn huma ta' għajnuna kbira għas-servizz li huma joffru. Filwaqt li rringrazzja s-sehem tal-volontarjat li jaħdem mill-qrib ma' Paolo Freire, stqarr li mingħajr dan il-finanzjament ma tistax tipprovdi servizzi fit-tul. Fr Busuttil tkellem aktar fid-dettall dwar is-servizzi li jagħtu permezz tal-ħaddiema soċjali tagħhom, li minnhom qed igawdu ħafna iktar persuni li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi ta' solitudni, l-aktar minħabba diffikultajiet ta' saħħa mentali u mewt tal-konjugi tagħhom, fost oħrajn.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN