STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Id-Deputat Prim Ministru Borg iqajjem il-każ tal-Arctic Metagaz fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE
Jappella lill-UE biex tfittex mezzi biex tevita li bastimenti tax-shadow fleet jidħlu fl-ibħra tal-UE
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ressaq it-tħassib ta' Malta dwar il-każ tat-tanker tal-LNG abbandunat Arctic Metagaz, u l-preżenza dejjem tikber ta' bastimenti tal-hekk imsejħa shadow fleet fil-Mediterran, waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE tat-Tnejn, fi Brussell.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta' Malta appella lill-UE biex tikkunsidra metodi ta' kif tevita li bastimenti tax-shadow fleet jidħlu fl-ibħra tal-UE, possibbilment permezz ta' skrutinju aktar b'saħħtu f'punti marittimi ewlenin t'aċċess, bħas-Suez u l-Istrett ta' Ġibiltà. Dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jiżguraw li bastimenti li jidħlu fl-UE jkollhom bandiera valida u l-kopertura tal-assigurazzjoni meħtieġa, speċjalment għal danni relatati mat-tniġġis marittimu.
Dr Borg qajjem din il-kwistjoni bl-appoġġ tal-istati membri tal-UE fil-grupp MED9, li wkoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni. Huwa aġġorna lill-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE dwar is-sorveljanza kontinwa ta' Malta fuq l-Arctic Metagaz, sa minn meta seħħ il-każ aktar kmieni dan ix-xahar, kif ukoll dwar it-tħejjijiet u n-negozjati li għaddejjin, f'kollaborazzjoni mal-Italja u partijiet oħra involuti, biex tiġi żgurata s-sigurezza tal-baħħara u l-ħarsien ambjentali fiż-żona.
Il-kwistjoni tal-Arctic Metagaz tqajjem ukoll tħassib dwar ċerti inkonsistenzi bejn reġimi differenti ta' sanzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-protezzjoni legali tal-operaturi t'emerġenza li jkunu meħtieġa jintervjenu fuq bastimenti sanzjonati f'każijiet ta' riskju ambjentali u sigurezza marittima. Dr Borg enfasizza l-ħtieġa li l-UE tesplora miżuri biex tiżgura li operazzjonijiet ta' salvataġġ minn stati membri tal-UE jkunu jistgħu jsiru mingħajr ir-riskju li l-operaturi t'emerġenza konċernati jiġu esposti għal sanzjonijiet minn terzi.
Il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-Tnejn iffoka wkoll fuq is-sigurtà Ewropea, is-sitwazzjoni li qed tkompli teskala fil-Lvant Nofsani u fil-Golf, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-ġirien tagħha fil-Mediterran.
Dr Borg spjega li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-eskalazzjoni li għaddejja fil-Lvant Nofsani u fil-Golf qegħdin jitfgħu pressjoni kbira fuq is-sigurtà Ewropea, u kkonfermaw mill-ġdid li din is-sigurtà tibqa' marbuta ħaġa waħda ma' dik tal-ġirien tagħha.
“Irridu naġixxu b'urġenza, billi nirsistu fuq l-għaqda u s-solidarjetà bejn l-istati membri bħala s-sisien tas-sigurtà tagħna. Dan ifisser ukoll li nsaħħu u nipproteġu l-infrastruttura kritika tal-enerġija, dik marittima u l-konnessjonijiet taħt il-baħar, filwaqt li nissalvagwardjaw ukoll il-katini tal-provvista tagħna, filwaqt li nagħtu prijorità lid-diversifikazzjoni u l-innovazzjoni, biex innaqqsu d-dipendenzi riskjużi," stqarr Dr Borg.
Malta laqgħet ukoll it-tisħiħ tal-impenn tal-UE permezz tal-Patt għall-Mediterran, li jista' jkattar id-djalogu u jnaqqas ir-riskji t'eskalazzjoni f'dan ir-reġjun. Is-suċċess ta' dan il-Patt, fakkar Dr Borg, jiddependi fuq kemm se jinkisbu riżultati konkreti, permezz t'inizjattivi li jħallu impatt kbir.
Id-Deputat Prim Ministru wissa wkoll li l-għeluq persistenti tal-Istrett ta' Ħormuz qed ikompli joħloq iżjed tfixkil. “Il-libertà tan-navigazzjoni trid tiġi mħarsa, u l-bastimenti u l-baħħara m'għandhomx ikunu attakkati. Il-koordinazzjoni tal-UE hija essenzjali," stqarr Dr Borg.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN