Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Ministru Clint Camilleri jħabbar li fi ftit ġimgħat oħra joħroġ it-tender għal-livellar taż-żona fejn se ssir l-Airfield

PR260433
Date Icon 16/03/2026

Konnettività – l-ewwel laqgħa ta' diskussjoni għal Għawdex b'ħarsa lejn il-prijoritajiet, l-isfidi, l-opportunitajiet u l-pjanijiet għall-gżira

Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar organizza l-ewwel laqgħa ta' diskussjoni “għal Għawdex" bit-tema Konnettività li matulha ġew diskussi l-isfidi u l-opportunitajiet marbuta mal-konnettività tal-gżira u r-rwol tagħha fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' Għawdex. Dan fid-dawl tal-Istrateġija għal Għawdex u l-Viżjoni Malta 2050.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri tkellem fost l-oħrajn dwar il-pjan għall-introduzzjoni tal-ewwel airfield f'Għawdex, li se tkun faċilità ġdida li tkompli ttejjeb il-konnettività tal-gżira u toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tagħha fosthom niċeċ ġodda ta' turiżmu u konnessjoni mhux biss bejn Għawdex u Malta iżda possibbilment ukoll ma' gżejjer oħra. Hawnhekk ħabbar li “fi ftit ġimgħat oħra se jkun ippubblikat l-ewwel fażi tat-tender li se jkun il-livellar taż-żona fejn se ssir din ir-rural airfield. Se tkun faċilità li se tkun kapaċi tattira investiment ġdid li s'issa f'Għawdex ma jeżistix. Permezz ta' din il-faċilità possibbilment ukoll se nkunu qed nattiraw skejjel tal-avjazzjoni li jirrilokaw minn Malta għal Għawdex, bħalma se tagħti opportunità fejn għandhom x'jaqsmu teting tad-drones u sky diving. Dan kollu ma jistax isir jekk ma noffrux il-faċilità u l-faċilità se nkunu qegħdin nagħmluha." Il-proġett tal-Airfield huwa wkoll wieħed mill-miżuri makro għal Għawdex tal-Viżjoni Malta 2050, speċifikament miżura makro 97.

Il-Ministru Camilleri stqarr li konnettività effettiva hija pedament essenzjali għall-progress tal-gżira. Dan għaliex ma jistax ikun hemm diskussjoni dwar il-progress u l-avvanz tas-soċjetà Għawdxija jekk ma tingħatax prijorità lill-konnettività li tkompli titjieb u li tiftaħ orizzonti ġodda għall-Għawdxin u n-negozji tagħhom. Tul l-aħħar snin ittieħdu passi importanti biex tissaħħaħ il-konnettività bejn il-gżejjer.

Il-Ministru rrefera għall-introduzzjoni tas-servizz tal-Fast Ferry, li ddeskrivieh bħala game changer fil-mod ta' kif in-nies jivvjaġġaw bejn Għawdex u Malta. Dan is-servizz illum joffri vjaġġ ta' madwar 45 minuta bejn il-Port tal-Imġarr u l-Belt Valletta, u sar mezz importanti għall-ħaddiema u l-istudenti li jivvjaġġaw bejn il-gżejjer. Huwa spjega li l-Gvern dejjem emmen f'dan is-servizz u sostnieh sabiex jitjieb maż-żmien. Tant hu hekk li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jissaħħaħ aktar permezz ta' rotot ġodda li se jgħaqqdu l-Port tal-Imġarr ma' Buġibba u Tas-Sliema, filwaqt li s-servizz eżistenti bejn Għawdex u l-Belt Valletta se jibqa' jopera. Tkellem ukoll dwar il-pjan tat-tisħiħ tal-flotta tal-Gozo Channel, li permezz tiegħu l-flotta se titkabbar għal ħames vapuri. Dan huwa parti minn strateġija usa' biex tkompli tissaħħaħ il-konnettività marittima bejn il-gżejjer.

Il-Ministru Clint Camilleri sostna li konnettività aħjar qed tikkontribwixxi wkoll biex Għawdex isir destinazzjoni ta' turiżmu tul is-sena kollha. Huwa fakkar li s-sena li għaddiet il-Ministeru għal Għawdex, flimkien ma' kunsilli lokali u diversi NGOs, organizza 326 attività kulturali tul is-sena. Dan kollu qed jikkontribwixxi għal żieda sostanzjali fit-turiżmu, b'mod partikolari fix-xhur barra mill-istaġun ewlieni.

Dwar il-futur tal-infrastruttura tal-port, il-Ministru spjega li ġiet imwaqqfa taskforce li tinkludi diversi entitajiet tal-Gvern u l-kunsill lokali biex tistudja l-iżvilupp futur tal-Port tal-Imġarr. Din it-taskforce se tħares lejn diversi possibiltajiet, fosthom espansjoni tal-port u l-iżvilupp ta' triq alternattiva, sabiex ikun hemm viżjoni ċara għall-futur ta' din iż-żona strateġika.

Is-Segretarju Permanenti Mario Borg irrimarka kif fil-Viżjoni tal-Gvern għal Malta 2050 Għawdex qed jiġi rikonoxxut bħala mudell għall-iżvilupp sostenibbli. Huwa spjega li għall-ewwel darba dokument uffiċjali tal-Gvern ma jħarisx lejn Għawdex bħala reġjun li għandu jlaħħaq mal-bqija tal-pajjiż, iżda bħala eżempju ta' kif tista' tinħoloq attività ekonomika li twassal għal kwalità ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GRDA Ivan Falzon ta wkoll preżentazzjoni dwar il-Port tal-Imġarr filwaqt li d-Direttur għat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku Ronald Sultana ta ħarsa lejn iż-żieda fit-turiżmu li esperjenza Għawdex f'dawn l-aħħar snin.

Waqt intervent li għamel l-Eks Kurunell u Pilota Mark Said, enfasizza l-importanza li Għawdex ikollu aktar minn mezz wieħed ta' konnettività. Huwa rrimarka li mingħajr il-Port, il-gżira tieqaf, u għalhekk aktar ma jinfetħu bibien ġodda ta' konnettività, aktar jissaħħu l-opportunitajiet għall-gżira. F'dan il-kuntest semma l-proposta tal-airfield, li tista' tippermetti servizzi ta' titjiriet skedati u inter-island li joffru mezz rapidu u effiċjenti ta' vjaġġar bejn Għawdex u destinazzjonijiet oħra.

Tkellem ukoll il-Pilota Aldo Borg, li qal li l-airstrip f'Għawdex tista' tiftaħ setturi ekonomiċi ġodda għall-gżira. Huwa sostna li dan il-proġett mhux biss joħloq mezz alternattiv ta' trasport bejn Malta u Għawdex u jnaqqas il-pressjoni fuq il-Port, iżda jista' wkoll joħloq opportunitajiet għal niċeċ ekonomiċi ġodda, li jwasslu għal aktar investiment dirett u għal aktar xogħol għall-Għawdxin f'Għawdex stess. Huwa fakkar ukoll li vjaġġ bl-ajru bejn Malta u Għawdex jista' jieħu madwar 12-il minuta biss, meta mqabbel mal-ħinijiet ta' vjaġġar bil-baħar, u esprima t-twemmin tiegħu li l-airfield tista' ssir infrastruttura importanti għall-futur tal-gżira.

Il-laqgħa serviet bħala pjattaforma ta' diskussjoni bejn rappreżentanti ta' entitajiet pubbliċi, professjonisti u stakeholders sabiex ġew diskussi ideat u proposti dwar kif tista' tkompli tissaħħaħ il-konnettività ta' Għawdex fis-snin li ġejjin.

Sabiex wieħed isemma' leħnu jista' jidħol fuq https://gozo.gov.mt/useful-links/ghal-ghawdex/

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Ministru Clint Camilleri jħabbar li fi ftit ġimgħat oħra joħroġ it-tender għal-livellar taż-żona fejn se ssir l-Airfield
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Ministru Clint Camilleri jħabbar li fi ftit ġimgħat oħra joħroġ it-tender għal-livellar taż-żona fejn se ssir l-Airfield
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-Ministru Clint Camilleri jħabbar li fi ftit ġimgħat oħra joħroġ it-tender għal-livellar taż-żona fejn se ssir l-Airfield
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow