STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Studenti jżuru l-esperjenza immersiva Viżjoni Malta 2050
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, akkumpanjaw studenti mill-Iskola Sekondarja Liċeo tal-Ħamrun, u żaru l-esperjenza immersiva Viżjoni Malta 2050.
Din l-esperjenza interattiva tippermetti lill-viżitaturi jiskopru b'mod innovattiv u immersiv il-viżjoni fit-tul għal pajjiżna, filwaqt li tgħaqqad ideat u pjanijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Clifton Grima sostna li din l-inizjattiva hija opportunità importanti biex iż-żgħażagħ jifhmu aħjar kif il-pajjiż qed jippjana l-futur tiegħu u kif huma stess jistgħu jkunu parti minn dan il-proċess.
“Il-Viżjoni Malta 2050 hija dwar il-futur tal-pajjiż tagħna, iżda fuq kollox hija dwar il-futur taż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk huwa importanti li aktar studenti u żgħażagħ iżuru din l-esperjenza immersiva, biex jiskopru l-opportunitajiet li qed nibnu għalihom u biex huma wkoll ikunu parti mill-ħolqien tal-Malta tal-futur," qal il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li, “Permezz ta' Viżjoni Malta 2050, qed inpoġġu l-innovazzjoni fil-qalba tal-ekonomija tagħna. Huwa kruċjali li l-istudenti tal-lum jaraw lilhom infushom bħala l-innovaturi ta' għada. Din l-esperjenza turi b'mod prattiku kif it-teknoloġija tista' sservi ta' għodda biex nindirizzaw l-isfidi globali filwaqt li noħolqu xogħol ta' kwalità hawn f'pajjiżna."
Viżjoni Malta 2050 tagħti importanza lis-settur edukattiv u għandha t-tielet pilastru tagħha li jindirizza r-reżiljenza u l-edukazzjoni moderna, b'reazzjoni għal sfidi bħall-bidla teknoloġika. Fl-Edukazzjoni, Malta se twettaq riforma komprensiva tal-kurrikulu biex l-istudenti jkunu mgħammrin b'mod aħjar bil-ħiliet li għandhom bżonn f'dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel. Dan jinkludi enfasi qawwija fuq is-suġġetti STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika), kif ukoll l-allinjament aħjar tal-perkorsi vokazzjonali mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-setturi emerġenti.
Huma ħeġġew lill-iskejjel, lill-istudenti u liż-żgħażagħ biex jieħdu l-opportunità li jżuru din l-esperjenza, li permezz ta' teknoloġija u kontenut interattiv toffri ħarsa ċara lejn il-possibiltajiet u l-aspirazzjonijiet għal Malta fis-snin li ġejjin.
Din iż-żjara kienet ukoll opportunità biex l-istudenti jiddiskutu ideat dwar il-futur tal-pajjiż u jifhmu aħjar ir-rwol tagħhom fil-bini ta' Malta aktar sostenibbli, innovattiva u prospera.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN