Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitnieda l-programm “L-Għid f’Għawdex” – Aktar minn 90 attività

PR260374
Date Icon 06/03/2026

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm “L-Għid f'Għawdex", li se jibda mis-6 ta' Marzu u jibqa' sejjer sal-5 ta' April 2026. Dan il-programm jiġbor fih sensiela ta' attivitajiet reliġjużi, kulturali u komunitarji, mifruxa madwar diversi lokalitajiet, li juru t-tradizzjonijiet uniċi tal-gżira Għawdxija matul dan il-perjodu partikolari tas-sena.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “nedejna l-Għid f'Għawdex, programm ta' aktar minn 90 attività, ilkoll attivitajiet kulturali madwar Għawdex kollu fejn ser ikun ovvjament attrazzjoni kulturali għal dawk kollha li jkunu qegħdin jagħżlu li għal darb'oħra jiġu fil-gżira Għawdxija għal ftit ħin jew żmien ta' mistrieħ. Qegħdin nagħmlu dan kollu anke fi ħdan l-istrateġija għal Għawdex, fi ħdan ukoll il-Viżjoni 2050 fejn irridu nibqgħu nagħmlu din il-gżira bħala destinazzjoni tas-sena kollha, destinazzjoni ta' kull xahar u nemmen li b'dawn l-inizjattivi ser inkomplu wkoll insaħħu t-turiżmu intern u estern anke tul dan il-perjodu."

Il-Ministru Clint Camilleri kompla jgħid li l-Għid f'Għawdex huwa wkoll żmien ideali għall-familji għaliex jilqa' lil kulħadd, kemm lil min qed ifittex esperjenza spiritwali, apprezzament tat-tradizzjoni, jew sempliċiment żjara b'differenza fil-gżira Għawdxija. L-irħula Għawdxin joffru ambjent sikur u ideali fejn il-familji jistgħu jesploraw, jitgħallmu u jipparteċipaw, filwaqt li jgawdu t-taħlita unika ta' trankwillità u spirtu komunitarju li joffri Għawdex.

L-Għid f'Għawdex huwa perjodu partikolari li jġib miegħu sens qawwi ta' fidi u tradizzjoni, li għandhom għeruq profondi fit-tessut soċjali Għawdxi. F'dan iż-żmien, kull raħal jinbidel f'espressjoni ħajja ta' devozzjoni u spirtu komunitarju li jagħti identità unika lil Għawdex. Dan huwa żmien meta l-komunità Għawdxija tirrifletti b'mod aktar profond fuq il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta' Sidna Ġesù Kristu.

Il-Ġimgħa l-Kbira, b'mod partikolari, tibqa' waħda mill-aktar esperjenzi kommoventi li toffri l-gżira Għawdxija. L-irħula Għawdxin ifakkru l-Passjoni permezz ta' purċissjonijiet, rappreżentazzjonijiet u drammi li ġew ippreservati u msaħħa matul il-ġenerazzjonijiet. Dawn mhumiex sempliċiment avvenimenti kulturali, iżda espressjonijiet ta' fidi b'saħħitha, ikkaratterizzati mid-dedikazzjoni tal-voluntiera, il-komunitajiet u l-familji li jinvestu ħafna ħin u impenn sabiex iwasslu dawn it-tradizzjonijiet b'dinjità u rispett. Ir-riżultat huwa atmosfera ta' riflessjoni u ta' ġabra li twassal messaġġ qawwi lil kull min iżur jew jipparteċipa f'dawn l-avvenimenti sagri. Ħadd il-Għid hu kkaratterizzat mid-daqq ferrieħi tal-qniepen tal-knejjes u mill-purċissjonijiet tant mistennija bl-Irxoxt, li jimlew it-toroq tagħna b'tama, ferħ u tiġdid.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lill-pubbliku biex jesperjenza din il-firxa unika ta' devozzjoni, wirt u impenn komunitarju. Dawn l-elementi kollha juru li l-Għid f'Għawdex huwa wieħed awtentiku, kburi bit-tradizzjoni tiegħu u tassew indimentikabbli.

Għal aktar informazzjoni u biex jaċċessa l-programm wieħed jista' jżur https://eventsingozo.com/easter-in-gozo-2026/ jew l-App eventsingozo.com.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Jitnieda l-programm “L-Għid f’Għawdex” – Aktar minn 90 attività
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow