STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI
Kważi 200 parteċipant jibbenefikaw minn tmien korsijiet taħt il-proġett BiċċerijaTrain ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u l-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi attendew ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lill-parteċipanti li temmew b’suċċess korsijiet organizzati mill-Biċċerija Pubblika bħala parti mill-proġett BiċċerijaTrain, ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Matul iċ-ċerimonja, ingħataw ċertifikati lil kważi mitejn parteċipant li ħadu sehem fi tmien korsijiet differenti mmirati biex isaħħu l-ħiliet tar-raħħala u tal-ħaddiema fis-settur tal-bhejjem u tal-laħam, permezz ta’ investiment ta’ €165,000 fit-taħriġ.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Anton Refalo sostna li s-suċċess fis-settur agrikolu jiddependi fuq impenn kontinwu fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-ħiliet, filwaqt li enfasizza li t-taħriġ qed jgħin biex investimenti u riċerka jissarrfu f’prodotti ġodda u opportunitajiet konkreti għas-suq lokali. Huwa nnota wkoll li l-frott ta’ dawn il-korsijiet diġà qed jidher permezz ta’ inizjattivi u prodotti ġodda li qed jaslu għand il-konsumatur.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza kif dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ kif il-fondi Ewropej qed jinvestu direttament fin-nies u fil-ħiliet tagħhom. Huwa spjega li l-appoġġ Ewropew fis-settur agrikolu ma jillimitax ruħu għal infrastruttura, iżda jinkludi investiment qawwi fil-kapital uman u fl-innovazzjoni.
“Dawn il-fondi Ewropej huma investiment dirett fir-raħħala, fil-bdiewa u fil-ħaddiema tas-settur. Dan l-investiment jgħinhom biex ikunu aktar professjonali, aktar kompetittivi u aktar sostenibbli. Proġetti ta’ taħriġ bħal dan juri kif permezz tal-għarfien u t-taħriġ nistgħu nagħtu valur miżjud lill-produzzjoni lokali u jkollna futur aktar reżiljenti għall-agrikoltura Maltija,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Id-Direttur Ġenerali Stefan Cachia rringrazzja lill-parteċipanti għall-impenn tagħhom u qal li, “il-parteċipazzjoni f’dawn il-korsijiet turi li s-settur agrikolu Malti huwa lest jitgħallem, jadatta u japplika ideat ġodda biex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-prodotti li jaslu fis-suq.”
Iċ-ċerimonja enfasizzat ir-rwol tal-Biċċerija Pubblika mhux biss bħala faċilità ta’ produzzjoni, iżda wkoll bħala ċentru ta’ tagħlim u innovazzjoni li qed jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur agrikolu Malti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN