Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR ​Tinfetaħ l-Iskema “Irrestawra Darek u l-Villaġġ" għar-Reġjun Nofsinhar b'total ta' €5 miljun

pr260317
Date Icon 25/02/2026


Imħabbra wkoll €2 Miljun addizzjonali għal Bini Skedat Grad 1 jew 2 (li ma jinsabx f'UCA) fir-reġjuni kollha ta' Malta u Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li fetħet l-iskema “Irrestawra Darek u l-Villaġġ" għar‑Reġjun Nofsinhar, b'total ta' €5 miljun allokati biex jintużaw għar-restawr, konservazzjoni u manutenzjoni ta' proprjetajiet fir-reġjun. L-iskema hija miftuħa għall-propjetarji ta' djar privati, NGOs u negozji li jinsabu fil-lokalitajiet eliġibbli fi ħdan dan ir-reġjun.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “wara li x-xahar li għadda ftaħna din l-iskema għar-reġjun Punent, u spjegajna li se tkun qed tinfetaħ gradwalment għar-reġjuni kollha ta' Malta u Għawdex, illum kien imiss ir-Reġjun Nofsinhar. Kien ta' sodisfazzjon għalina li l-iskema b'valur totali ta' €30 miljun attirat interess kbir. Fuq kollox għaliex din hija skema li tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern biex jinvesti direttament fil-komunitajiet tagħna, sabiex inħarsu u nsaħħu l-wirt arkitettoniku u storiku tagħna." Huwa kompla jispjega li permezz ta' dawn l-għotjiet qed tingħata opportunità lis-sidien ta' proprjetajiet, lill-għaqdiet volontarji u lin-negozji biex jirrestawraw u jikkonservaw bini ta' valur, filwaqt li jinżamm ħaj il-karattru awtentiku tal-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin.

Ir‑Reġjun Nofsinhar jinkludi Ħal Qormi, Ħal Għaxaq, iż‑Żejtun, Santa Venera, Birżebbuġa, Marsascala, Marsaxlokk, il‑Gudja, il‑Ħamrun, Ħal Luqa u l‑Marsa.

L-applikanti eliġibbli jistgħu jibbenefikaw mil-limiti massimi hekk kif ġejjin:

  • Sa €15,000 għal xogħlijiet ta' restawr fuq kull tip ta' proprjetà li tinsab fi ħdan UCA.
  • Sa €100,000 għall-binjiet skedati ta' Grad 1 li jinsabu fiż‑Żoni ta' Konservazzjoni Urbana (UCAs).
  • Sa €50,000 għall-binjiet skedati ta' Grad 2 fi ħdan UCAs.

L-applikazzjonijiet għall-iskema nfetħu mil-lum 25 ta' Frar 2026 sal-4 ta' Marzu 2026. Bħal fil-każ tar‑Reġjun Punent, l-applikazzjonijiet se jiġu evalwati strettament skont l-ordni li fiha jiġu sottomessi.

Il-Ministru Clint Camilleri ħabbar ukoll allokazzjoni addizzjonali ta' €2 miljun għar-restawr ta' Bini Skedat (Grad 1 u Grad 2) li jinsab barra ż‑Żoni ta' Konservazzjoni Urbana fir‑reġjuni kollha ta' Malta u Għawdex. Huwa qal li din l‑inizjattiva hija mmirata lejn strutturi ta' valur arkitettoniku u storiku li jinsabu lil hinn mill‑UCAs stabbiliti.

L-applikazzjonijiet għar-restawr ta' Bini Skedat (Grad 1 u Grad 2) li jinsab barra l-UCA se jiftħu fid-9 ta' Marzu, 2026.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li “B'€5 miljun allokati għar‑Reġjun Nofsinhar, qed nagħtu messaġġ ċar li l‑wirt mibni tagħna jistħoqqlu l‑attenzjoni u l‑investiment li jixraqlu. Nappella lir-residenti, NGOs u negozji biex japplikaw malajr sabiex jibbenefikaw minn din l-opportunità. Fl-istess waqt, l-investiment addizzjonali ta' €2 miljun fi strutturi skedati madwar Malta u Għawdex juri l-impenn tagħna li nħarsu l-arkitettura u l-istorja li jiffurmaw l-identità tagħna. Flimkien, nistgħu nibnu futur fejn il-wirt tagħna mhux biss jinżamm, iżda jissaħħaħ għal dawk li ġejjin warajna."

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dawn l-inizjattivi jagħmlu parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern u tal-Awtorità tal-Ippjanar fi ħdan il-Ministeru biex jappoġġjaw lis-sidien tal-proprjetà, ikun imħares il-wirt arkitettoniku nazzjonali u jiġi ppreservat il-karattru Malti tal-bini.

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi online mill-website tal-Awtorità tal-Ippjanar jew personalment u l-applikazzjonijiet jiġu evalwati mill-Unità tal-Ippjanar tal-Wirt u mill-Kumitat tal-Fond għall-Iżvilupp.

L-applikanti jistgħu jiċċekkjaw l-eliġibbiltà tagħhom permezz:

Wieħed jista' jikseb aktar informazzjoni dwar din l-iskema fuq: https://pa.org.mt/irrestawra-darek-u-lvillagg

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR ​Tinfetaħ l-Iskema “Irrestawra Darek u l-Villaġġ" għar-Reġjun Nofsinhar b'total ta' €5 miljun
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR ​Tinfetaħ l-Iskema “Irrestawra Darek u l-Villaġġ" għar-Reġjun Nofsinhar b'total ta' €5 miljun
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow