Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tenfasizza l-ħtiġijiet tal-bdiewa u s-sajjieda waqt il-Kunsill tal-UE

PR260303
Date Icon 24/02/2026

Fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo attenda l-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura u s-Sajd tal-Unjoni Ewropea fejn ġew diskussi temi ewlenin relatati mal-agrikoltura u s-sajd.

Fir-rigward tal-futur tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), Malta sostniet li r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għandhom jibqgħu gwida strateġika u mhux obbligu vinkolanti, filwaqt li jħallu l-flessibbiltà meħtieġa lill-Istati Membri. Ġie enfasizzat li għal pajjiż żgħir u insulari bħal Malta, il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà huma essenzjali sabiex jiġu żgurati miżuri effettivi u adattati għar-realtà lokali.

Il-Ministri ddiskutew ukoll ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar Prattika Kummerċjali Inġusti (UTPs). Malta laqgħet din l-opportunità biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u tal-operaturi żgħar fil-katina tal-ikel, b'enfasi fuq aktar protezzjoni kontra r-ritaljazzjoni u infurzar konsistenti madwar l-Istati Membri, filwaqt li jiġi rispettat is-suq uniku u l-prinċipju tal-proporzjonalità.

Punt ieħor li tqajjem matul il-Kunsill jirrigwarda l-ħidma tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) għas-snin li ġejjin. Malta kkonfermat l-impenn tagħha lejn sistemi tal-ikel aktar reżiljenti u sostenibbli, b'attenzjoni partikolari lejn l-isfidi li jiffaċċjaw gżejjer żgħar u reġjuni vulnerabbli.

Malta ssottolinjat ukoll il-ħtieġa ta' għajnuna eċċezzjonali lis-settur tal-majjal fid-dawl tat-taqlib fis-suq li qed jaffettwa lill-produtturi Ewropej. Fl-istess waqt, Malta appoġġjat it-talba mressqa mill-Portugall li jiġu kkunsidrati mekkaniżmi Ewropej biex jindirizzaw riskji klimatiċi sistematiċi li qed jolqtu lill-bdiewa.

Il-Ministru Refalo esprima wkoll tħassib dwar proposti li jistgħu joħolqu piż amministrattiv sproporzjonat fuq bdiewa ta' skala żgħira, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni tal-pjanti, u saħaq li kull riforma għandha tħares lejn il-vijabbiltà tal-produzzjoni tal-ikel u l-kompetittività tal-bdiewa Maltin.

Fil-kuntest tad-diskussjonijiet dwar is-sajd, Malta sostniet il-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ekwi u aderenza għall-parir xjentifiku, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-impatti indiretti fuq operaturi f'reġjuni differenti.

Il-Ministru Anton Refalo qal, “Għal Malta, il-flessibbiltà u l-proporzjonalità huma kruċjali sabiex nipproteġu l-vijabbiltà tal-bdiewa u s-sajjieda tagħna. Se nibqgħu naħdmu biex l-interessi tal-agrikoltura u s-sajd Maltin u Għawdxin ikunu riflessi fid-deċiżjonijiet Ewropej."

Malta se tkompli tipparteċipa b'mod attiv fid-diskussjonijiet fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd Maltin jibqgħu prijorità.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tenfasizza l-ħtiġijiet tal-bdiewa u s-sajjieda waqt il-Kunsill tal-UE
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Malta tenfasizza l-ħtiġijiet tal-bdiewa u s-sajjieda waqt il-Kunsill tal-UE
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow