STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Inawgurat iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ fil-Ħamrun b'investiment mill-Iskema għall-Iżvilupp Komunitarju u l-Innovazzjoni
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kappillan tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, Fr Franco Fenech, inawguraw mill-ġdid iċ-ċentru taż-żgħażagħ wara proġett estensiv ta' immodernizzar. Dan il-proġett sar possibbli grazzi għall-fondi mill-Iskema għall-Iżvilupp Komunitarju u l-Innovazzjoni (Community Development and Innovation Scheme), amministrata mis-Segretarjat Parlamentari.
Permezz ta' dan l-investiment, il-post ġie ttrasformat f'ambjent sigur u modern, mgħammar b'apparat ġdid li jinkludi VR headsets, biex iservi ta' spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqgħu, jitgħallmu u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Ir-rinnovazzjoni saret b'mod li tirrifletti l-bżonnijiet tal-lum, filwaqt li toffri spazju inklużiv li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti sostna li l-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fl-infrastruttura soċjali ddedikata għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Huwa tenna li, “Il-ftuħ mill-ġdid ta' dan iċ-ċentru huwa xhieda ta' kemm l-Iskema għall-Iżvilupp Komunitarju u l-Innovazzjoni qed tħalli impatt tanġibbli fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna. Permezz ta' dawn il-fondi, qed nagħtu lura liż-żgħażagħ spazju modern u dinjituż fejn jistgħu jikbru. Il-messaġġ tagħna huwa ċar: se nkomplu nsostnu proġetti li jpoġġu r-riżorsa umana u l-innovazzjoni soċjali fuq quddiem."
Min-naħa tiegħu, Fr Franco Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija ta' dan il-proġett li tant kien mistenni. Huwa qal, “Grazzi għal dan is-sostenn, illum qed niftħu mill-ġdid bibien li se jilqgħu fihom bosta żgħażagħ li għandhom bżonn gwida u appoġġ. Ir-rinnovazzjoni u t-tagħmir il-ġdid mhumiex biss dwar bini u għamara, iżda huma investiment fil-benesseri taż-żgħażagħ tagħna. Dan iċ-ċentru se jkun qalb li tħabbat fil-komunità, fejn kull żagħżugħ iħossu milqugħ u mogħti l-opportunità li jiskopri l-potenzjal tiegħu f'ambjent li jixraqlu." Huwa rringrazzja lil dawk kollha involuti fil-proċess tar-rinnovazzjoni u tenna li l-ħidma tal-parroċċa se tkompli tiffoka fuq il-formazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ, bl-għajnuna ta' faċilitajiet li jippermettu dan l-iżvilupp.
Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu t-tiġdid tal-faċilitajiet interni, installazzjoni ta' sistemi teknoloġiċi ġodda u l-ħolqien ta' żoni versatili għall-attivitajiet differenti, minn sessjonijiet edukattivi sa dawk ta' rikreazzjoni. Din l-inizjattiva tifforma parti minn kullana ta' proġetti li qed jiġu ffinanzjati mill-iskema msemmija biex jissaħħaħ it-tessut soċjali u l-innovazzjoni fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN