STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Titnieda l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’ b’risq il-Malta Community Chest Fund
Nhar is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta' Marzu, il-Kastell Verdala se jilbes libsa tradizzjonali marbuta mar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, bi programm varjat għall-attività ġdida 'Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni.'
Waqt l-ewwel edizzjoni ta' din l-attività, li qed issir b'risq il-Malta Community Chest Fund, se jkun hemm varjetà għall-familja kollha, mit-tfal sal-adulti, b'esibizzjonijiet, mużika u kunċerti minn korijiet, baned u mużiċisti, kif ukoll diskussjonijiet immexxija minn kittieba u esperti tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Il-Ħadd wieħed jista' jattendi wkoll għal quddies fil-kappella tal-Kastell Verdala, xenetti tal-Passjoni, kif ukoll Mixja Bibblika, purċissjoni mit-tfal, u Purċissjoni Penitenzjali li tagħti togħma tal-Purċissjoni s-Sewda; purċissjoni tradizzjonali li ssir fil-Birgu, bis-sehem tal-fratellanzi.
'Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni' tnediet fil-Kastell Verdala, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħaxija. Matulha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta' Malta, fissret li l-iskop ta' din l-attività hu l-apprezzament tat-tradizzjonijiet Maltin, fl-istess waqt li jinġabru donazzjonijiet b'risq il-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
Brian Bonnici, organizzatur tal-attività, tkellem dwar kif din l-attività qed tiġbor flimkien numru ta' artisti, abbozzi ta' knejjes u kollezzjonijiet privati li wħud minnhom qed jiġu esibiti għall-ewwel darba, kif ukoll statwi ta' daqs uman u diversi artifatti oħra.
Spjega kif l-idea ta' 'Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni' attirat interess qawwi minn diversi baned, soċjetajiet, organizzazzjonijiet u individwi, b'mod speċjali għall-purċissjoni tat-tfal li l-Ħadd waranofsinhar se tinvolvi iktar minn mitt tifel u tifla bil-vestwarju u statwi.
Bonnici esprima x-xewqa tiegħu li din l-attività tkompli tikber f'żewġ aspetti: “Qed nippromwovu l-arti, il-kultura u l-kult u, fuq kollox, waqt li qed nirriflettu fuq it-tbatija ta' Kristu, niftakru wkoll f'min bħalissa għaddej minn perjodu ta' tbatija u jsib l-għajnuna u l-wens mingħand il-Malta Community Chest Fund."
Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, ukoll tkellmet dwar l-importanza ta' din l-attività biex il-poplu, sa minn età żgħira, jiġi mrawwem fl-apprezzament tal-kultura ta' madwarna, fl-istess waqt li jitkattar il-valur tas-sens ċiviku b'risq organizzazzjonijiet bħall-MCCF li jassistu lil min għaddej minn perjodu diffiċli ta' saħħa jew sfidi soċjali oħra.
Il-biljetti għal 'Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni' jinsabu disponibbli fuq showshappening.com, u jibdew minn donazzjoni ta' €10 li tagħti aċċess għal ġurnata sħiħa ta' attivitajiet li jibdew mid-9.30 ta' filgħodu sa tard filgħaxija. Wieħed jista' jixtri l-biljetti wkoll fil-jiem tal-attività, mill-post stess.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN
PR260244a.pdf