STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI: Tkompli l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni tal-pjanijiet lokali għall-faċilitajiet sportivi
L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li kompliet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Reviżjoni Parzjali tal-Pjanijiet Lokali Kurrenti li tiffoka fuq il-kummerċjalizzazzjoni responsabbli tal-faċilitajiet sportivi. Din ir-reviżjoni għandha l-għan li tallinja l-politiki tal-ippjanar mar-Regolamenti dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi (S.L. 455.12), u li tistabbilixxi qafas ta' ppjanar ċar u konsistenti li jippermetti opportunitajiet kummerċjali xierqa filwaqt li jiġu mħarsa l-funzjoni primarja tal-faċilitajiet għall-isport u r-rikreazzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li “B'din il-konsultazzjoni qed nagħmlu pass importanti lejn ippjanar aktar ċar li jsaħħaħ l-isport. Il-faċilitajiet sportivi għandhom jibqgħu, l-ewwel u qabel kollox, spazji għall-isport, u għalhekk din il-policy tistabbilixxi regoli stretti biex tiżgura li kull żvilupp ikun limitat, responsabbli u ta' sostenn għall-isport. F'din il-policy qed jiġi mħares ukoll il-bilanċ bejn l-isport u l-kummerċ. Dan għaliex il-policy tistabbilixxi li mill-inqas 60% tal-ispazju għandu jibqa' ddedikat għall-isport u attivitajiet relatati miegħu, filwaqt li l-użu kummerċjali ma jistax jaqbeż l-40%, u dejjem għandu jkun sekondarju għall-funzjoni sportiva."
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima spjega, “Wara li l-Parlament għadda leġiżlazzjoni marbuta ma' dan is-settur, u l-leġiżlazzjoni kienet approvata b'mod unanimu, issa hemm il-policy tal-Awtorità tal-Ippjanar li finalment se tkun tista' tirrispekkja u allura tattwa dik li hija l-liġi u wkoll dak li huwa l-ispirtu ta' din il-liġi".
Il-bidliet proposti jinkludu:
- L-introduzzjoni ta' policies ġenerali li jappoġġjaw il-faċilitajiet kummerċjali;
- Definizzjoni tat-tip u l-iskala ta' żvilupp kummerċjali fuq art allokata għal faċilitajiet sportivi;
- Żieda ta' miżuri ta' salvagwardja li jiggarantixxu aċċess pubbliku u jipproteġu l-wirt, il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u l-ambjent.
Dawn għandhom l-għan li joħolqu opportunitajiet għall-iżvilupp sostenibbli filwaqt li jinżammu l-benefiċċji komunitarji ta' dawn il-faċilitajiet. Dawn il-bidliet jippermettu lill-organizzazzjonijiet sportivi jżidu attivitajiet kummerċjali, kif ukoll faċilitajiet soċjali u komunitarji, sakemm dawn jaqblu mal-prinċipji msemmija hawn fuq.
L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni, li ffukat fuq l-objettivi tar-reviżjoni, ġabret feedback siewi minn membri tal-pubbliku u partijiet interessati. Din l-informazzjoni ġiet ikkunsidrata bir-reqqa fil-ħolqien tal-proposti ta' tibdil fil-policies.
L-Objettivi Ewlenin tar-Reviżjoni huma:
- L-introduzzjoni ta' policy ġenerali tal-ippjanar b'mod ħolistiku għall-pjanijiet lokali kollha, u dan sabiex l-għanijiet tar-Regolamenti dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi jiġu ffaċilitati;
- Li jiġu stabbiliti t-tipi, l-iskala u l-forom ta' żvilupp kummerċjali li huma aċċettabbli fuq art allokata għal faċilitajiet sportivi;
- L-inklużjoni tas-salvagwardji neċessarji biex jiġu protetti l-kwalità tal-ħajja tar-residenti taż-żona, l-wirt kulturali, l-ambjent naturali u l-infrastruttura tat-trasport.
L-Awtorità tal-Ippjanar tħeġġeġ lil dawk kollha interessati biex jipparteċipaw f'din it-tieni fażi ta' konsultazzjoni pubblika. Il-perjodu ta' konsultazzjoni se jkun miftuħ mill-lum, 13 ta' Frar sas-27 ta' Marzu 2026. Id-dokument sħiħ, inkluż ir-reviżjonijiet proposti tal-policy, jinsab fuq is-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar: pa.org.mt. Kummenti u feedback jistgħu jintbagħtu bl-email fuq: sports_facilities@pa.org.mt.
Il-ħtieġa għal din ir-reviżjoni minħabba li l-pjanijiet lokali attwali, li jmorru lura għall-1995, 2002 u 2006, jimponu limitazzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi. Dan jirrestrinġi l-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi, li daħlu fis-seħħ f'Jannar 2017 u ġew emendati sussegwentement. Ir-reviżjoni għandha l-għan li tintroduċi policy ġenerali li tieħu prijorità f'każijiet fejn ikun hemm kunflitti mal-istrateġiji u l-policies eżistenti tal-pjanijiet lokali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN