STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Ikompli t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni ma’ riċerkaturi Maltin fir-Renju Unit
F’Londra, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza avveniment li ċċelebra s-suċċessi tal-komunità medika u xjentifika Maltija fir-Renju Unit. Dan l-avveniment ittella’ fl-Isptar Nazzjonali għan-Newroloġija u n-Newrokirurġija u kien organizzat mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fir-Renju Unit, bl-assistenza ta’ Xjenza Malta.
Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jikkollabora ma’ riċerkaturi Maltin li għaddejjin b’ħidma barra minn xtutna, sabiex ikun hemm skambju ta’ għarfien u ideat. “Malta tivvaluta t-talent tagħkom u permezz ta’ ‘Global Research, Maltese Roots’, nistednukom biex tkunu parti mill-vjaġġ xjentifiku ta’ pajjiżna. Irridu nisimgħu l-ideat tagħkom dwar kif nistgħu nistrutturaw ‘Diaspora Network’ li jgħaqqad in-nies u l-opportunitajiet bejn il-fruntieri u d-dixxiplini,” sostna Azzopardi Tanti.
Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, il-Professur Stephen Montefort, laqa’ lill-mistednin u nnota b’sodisfazzjon il-preżenza b’saħħitha ta’ professjonisti li minkejja l-karrieri impressjonanti tagħhom barra minn xtutna, xorta jżommu lil Malta qrib qalbhom. Il-Professur Montefort stqarr li huwa ta’ unur li jara tant riċerkaturi u speċjalisti mediċi Maltin jiksbu suċċessi f’istituzzjonijiet ewlenin fir-Renju Unit.
L-avveniment kien jikkonsisti wkoll f’lectures minn tliet akkademiċi u speċjalisti prominenti: il-Professur Ludvic Zrinzo, il-Professur Edward Despott, u s-Sinjura Marie-Klaire Farrugia.
Fl-intervent tiegħu, il-Professur Ludvic Zrinzo, Kap Kliniku u Akkademiku tal-Unit tan-Newrokirurġija Funzjonali fil-University College London, tkellem dwar ir-realtà tar-riċerkaturi Maltin li jaħdmu f’ambjenti internazzjonali u l-importanza ta’ sħubijiet strutturati. Il-Professur Zrinzo żied jgħid li, “Il-kollaborazzjoni u l-qsim tal-għarfien huma essenzjali biex ir-riċerka timxi ’l quddiem. Kemm jekk permezz ta’ mentoring u pubblikazzjonijiet konġunti, aħna lesti li nikkontribwixxu biex Malta tkompli tipproduċi talent tal-ogħla livell u ssaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena globali.”
Matul iż-żjara f’Londra, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-Professur Gerhardt Attard, Professur tal-Onkoloġija Medika u Konsulent Onorarju kif ukoll Chair in Urological Cancer Research fil-University College London. Waqt din id-diskussjoni, ġew esplorati modi kif tista’ tissaħħaħ l-ekosistema tar-riċerka fis-settur tas-saħħa, partikolarment permezz tal-Cancer Research and Innovation Hub Malta. Il-laqgħa ffukat ukoll fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal riċerkaturi Maltin biex jisfruttaw opportunitajiet fir-Renju Unit u lil hinn.
Is-Segretarju Parlamentari żar ukoll il-House of Lords fejn iltaqa’ ma’ Dame Dr Claire Gerada, kif ukoll żar lill-pazjenti u l-familji Maltin li qed joqogħdu fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton. Hemmhekk, huwa tenna l-appoġġ sħiħ tal-Gvern lejn il-fondazzjoni Puttinu Cares u l-pazjenti li jkollhom bżonn kura speċjalizzata barra l-pajjiż, filwaqt li spjega l-ħidma li għaddejja mill-Cancer Research and Innovation Hub Malta.
Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, flimkien ma’ Xjenza Malta u l-Cancer Research and Innovation Hub Malta, qed tkompli l-ħidma favur il-progress xjentifiku nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN