STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Tisbiħ fl-iskola Primarja ta’ Għajnsielem
Fl-iskola primarja ta' Għajnsielem sar xogħol ta' tisbiħ mad-daħla u l-faċċata tal-iskola li ħoloq ambjent isbaħ. Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, is-Sindku Kevin Cauchi u membri tal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, kif ukoll studenti u rappreżentanti tal-iskola u uffiċjali minn Ambjent Malta.
Waqt l-inawgurazzjoni, l-istudenti ħadu sehem f'diversi attivitajiet inkluż attività ta' qari dwar il-ħajja ta' Mary Meilak u Ġorġ Pisani, żewġ poeti Għawdxin. Sar ukoll qari tal-poeżiji fuq bankijiet f'forma ta' ktieb.
Permezz ta' dan il-proġett, li sar b'kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, Ambjent Malta u l-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, tneħħa l-ħajt u l-konkos li kien hemm u minflok inħoloq spazju pubbliku li joffri aċċess aktar faċli għall-komunità u fl-istess ħin iżid il-valur ambjentali.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Din is-sena komplejna niftħu spazji miftuħa wieħed wara l-ieħor f'diversi lokalitajiet, u llum qed nagħmlu dan ukoll f'Għawdex, eżatt ħdejn l-iskola primarja. B'dan l-investiment qed nuru li l-ispazji pubbliċi jistgħu jinbidlu b'mod konkret biex iservu lin-nies aħjar u fl-istess ħin ikunu ta' ġid għall-ambjent. Dan il-proġett huwa parti minn ħidma usa' biex innaqqsu l-konkos u nżidu aktar spazji ħodor li jkunu aċċessibbli, funzjonali u adattati għall-ħajja ta' kuljum tal-komunitajiet tagħna. L-għan tagħna hu li nkomplu nġibu n-natura eqreb tan-nies, f'żoni urbani u madwar l-iskejjel, bi spazji li jagħmlu differenza reali fil-kwalità tal-ambjent u fil-mod kif in-nies jużawhom."
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern li jinvesti fi spazji pubbliċi ta' kwalità f'Għawdex. Il-ħolqien ta' spazji ħodor u aċċessibbli, bħal dan l-ispazju pubbliku speċjalment f'żoni madwar l-iskejjel, jagħti valur miżjud lill-komunità u jikkontribwixxi għal ambjent aktar sostenibbli u aħjar għat-tfal tagħna u r-residenti tal-lokalità."
Id-Direttur Ġenerali fi ħdan Ambjent Malta, Herman Galea, spjega kif permezz ta' dan il-proġett tneħħa l-ħajt li kien hemm bejn il-binja tal-iskola u l-bankina u minflok tħawlu siġar u arbuxxelli.
Is-Sindku ta' Għajnsielem Kevin Cauchi stqarr, “inawgurajna spazju fejn qabel kellna ħajt għoli sular u bitħa mimlija konkrit u konkos, u llum għandna dan il-ġnien sabiħ miftuħ għall-pubbliku u għall-ġenituri li jkunu qegħdin jistennew it-tfal. Hawn żewġ bankijiet iddedikati lil Mary Meliak u lil Ġorġ Pisani. Grazzi għall-għajnuna tal-gvern ċentrali u l-ħidma tal-Kunsill, qegħdin ninawguraw dan il-proġett biex jitgawda mir-residenti tagħna."
Id-disinn jinkludi wkoll landscaping li jnaqqas l-impatt urban, b'bankini u pavers tal-ħaxix, skrins ħodor u ħitan vertikali b'veġetazzjoni li joffru aktar privatezza u dehra aktar naturali. L-ispazju fuq is-saqaf tal-canopy ikompli jsaħħaħ il-benefiċċji ekoloġiċi tal-proġett.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN