Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-pjanijiet fit-tul fl-enerġija u l-ilma f’Għawdex diskussa mal-Kumitat Reġjonali Għawdex

pr260186
Date Icon 04/02/2026

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mat-tmexxija tal-Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), iltaqgħu mal-membri tal-Kumitat Reġjonali Għawdex (GRC) fi ħdan l-MCESD sabiex jiddiskutu l-ħidma estensiva li qed titwettaq f'Għawdex fil-qasam tal-enerġija, tal-ilma u drenaġġ.

Matul il-laqgħa ġie ppreżentat il-pjan fit-tul tal-Gvern għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tas-servizzi f'Għawdex; pjan li jħares lil hinn mill-ħtiġijiet immedjati u jpoġġi l-pedamenti għal pajjiż li jkun ippreparat għall-futur. Ġie enfasizzat li din il-ħidma mhijiex biss investiment fi proġetti, iżda f'servizzi essenzjali li jaffettwaw direttament il-kwalità tal-ħajja u r-reżiljenza tal-gżejjer Maltin.

Il-Ministru Miriam Dalli saħqet li dan huwa pjan strateġiku li jassigura kontinwità u implimentazzjoni ċara. “Qed ninvestu b'mod konsistenti u ppjanat biex l-infrastruttura ta' pajjiżna tkun kapaċi tlaħħaq mar-realtajiet ta' għada. Għawdex huwa parti integrali minn din il-viżjoni nazzjonali, u l-proġetti li qed jitwettqu hawn huma maħsuba biex isaħħu r-reżiljenza, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizzi għas-snin li ġejjin," qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li din il-ħidma tikkonferma li Għawdex qed jingħata importanza daqs Malta fil-pjan nazzjonali tal-iżvilupp tal-pajjiż. Huwa spjega kif “l-investiment fl-enerġija u fl-ilma huwa kruċjali biex il-familji u n-negozji Għawdxin ikollhom servizzi aħjar, aktar affidabbli u aktar reżiljenti. Ħafna mit-toroq li rranġajna, ingħataw ukoll servizzi ġodda, bħalma qed isir fit-triq ta' Marsalforn, sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent fil-futur."

F'dak li jirrigwarda s-settur tal-enerġija, ġew diskussi ż-żewġ ċentri ġodda ta' distribuzzjoni li se jinbnew f'Kerċem u f'Għajnsielem, fejn dan tal-aħħar se jkun qed jilqa' cable ġdid tal-132kV li se jservi bħala link ġdida bejn Malta u Għawdex. Dan il-proġett se jimmodernizza u jiddiversifika l-provvista tal-elettriku lejn Għawdex, u jsaħħaħ b'mod sinifikanti r-reżiljenza tas-sistema, filwaqt li qed jitwettaq ukoll xogħol estensiv ta' tisħiħ tan-netwerk ta' distribuzzjoni madwar il-gżira.

Fil-qasam tas-servizzi tal-ilma, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma investiet aktar minn €3 miljun f'erba' proġetti maġġuri matul l-aħħar sena, b'xogħlijiet ta' aġġornament fin-networks tal-ilma u tad-drenaġġ fin-Nadur, Ta' Sannat u Kerċem. Sar ukoll investiment fl-impjant tar-Reverse Osmosis ta' Ħondoq, filwaqt li nbniet reservoir ġdid f'Tas-Seqer biex jissaħħaħ il-provvista tal-ilma għall-Punent ta' Għawdex.

B'kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-kunsilli lokali, tlestew ukoll proġetti oħra fl-infrastruttura f'diversi lokalitajiet, filwaqt li bħalissa għaddej xogħol fuq numru ta' proġetti oħra fosthom ir-rotta bejn ir-Rabat u Marsalforn, aġġornamenti fin-networks f'diversi rħula, u investimenti ġodda f'stazzjonijiet tal-ippumpjar u reservoirs. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jibdew ukoll xogħlijiet ġodda f'diversi toroq, kif ukoll proġett ta' €8 miljun biex jiġu mmodernizzati n-networks tal-ilma b'metodi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Matul il-laqgħa ġie diskuss ukoll proġett ambjentali kruċjali għal Għawdex – l-upgrade tal-impjant tad-drenaġġ u tal-polishing plant ta' Ras il-Ħobż, b'investiment ta' €25 miljun, li se jsaħħaħ b'mod sostanzjali s-servizzi ambjentali fil-gżira Għawdxija. Is-sejħa għall-offerti għal dan il-proġett tinsab ippubblikata u mistennija tagħlaq fil-jiem li ġejjin.

Il-Kumitat Reġjonali Għawdex laqa' dawn il-pjanijiet bħala pass importanti, iżda enfasizza b'mod ċar li Għawdex għandu realtajiet differenti minn Malta, partikolarment minħabba l-insularità doppja. Il-Kumitat ikkonferma li se jibqa' jsegwi mill-qrib dawn il-pjanijiet u jkompli jikkollabora mal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jirrappreżenta l-interessi ta' Għawdex u tal-istakeholders tiegħu. “Kienet laqgħa importanti ħafna għax ovvjament Għawdex għandu popolazzjoni li qed tikber u allura d-domanda kemm għall-ilma kif ukoll għall-elettriku qiegħda kontinwament tikber," stqarr iċ-Chairperson tal-GRC, Michael Galea.

Il-GRC huwa kumitat fi ħdan l-MCESD, membru fil-Kunsill tal-MCESD u wieħed mill-Imsieħba Soċjali f'isem Għawdex.

Il-Ministri rringrazzjaw lill-membri tal-GRC għall-kontribut tagħhom u lill-Enemalta u lill-WSC għall-ħidma kontinwa u professjonali tagħhom, filwaqt li tennew l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti b'mod sostanzjali f'Għawdex sabiex il-provvista tal-enerġija u tal-ilma tkun aktar stabbli, moderna u sostenibbli.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-pjanijiet fit-tul fl-enerġija u l-ilma f’Għawdex diskussa mal-Kumitat Reġjonali Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-pjanijiet fit-tul fl-enerġija u l-ilma f’Għawdex diskussa mal-Kumitat Reġjonali Għawdex
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INDAFA PUBBLIKA U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Il-pjanijiet fit-tul fl-enerġija u l-ilma f’Għawdex diskussa mal-Kumitat Reġjonali Għawdex
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow