STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Aktar persuni jaffordjaw iżommu djarhom sħuna fix-xitwa
Statistika uffiċjali tal-Eurostat turi li fl-2024, 9.2 fil-mija taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea sabu diffikultà sabiex iżommu djarhom sħuna fix-xitwa, fi kliem ieħor, ma jaffordjawx il-kontijiet tad-dawl, ilma u gass.
Ir-rata f'Malta hija sostanzjalment anqas minn pajjiżi bħal Greċja, Spanja, Franza, Ċipru, Litwanja u l-Portugall u anqas ukoll mill-Italja u s-Slovakkja waqt li tinsab kważi fl-istess livell tal-Olanda.
Meta mqabbla mar-rata ta' dan l-istess indikatur fl-2013, wieħed isib li f'Malta kellna 23.9 fil-mija tal-popolazzjoni li ma kinux jaffordjaw il-kontijiet tad-dawl, ilma u gass, waqt li l-medja Ewropea dak iż-żmien kienet ta' 10.8 fil-mija. Jiġifieri, mill-2013 'l hawn, waqt li l-medja Ewropea naqset biss b'1.6 punti perċentwali, f'Malta ir-rata naqset b'16.1 punti perċentwali.
Fi kliem ieħor, waqt li fl-2013 kellna persuna minn kull erbgħa li ma taffordjax il-kontijiet tal-enerġija, illum għandna persuna minn kull tlettax li ma taffordjax dan. Waqt li fl-2013 kellna 99,000 persuna ma jaffordjawx dawn il-kontijiet, fl-2024 dawn niżlu għal 43,000.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon attribwixxa dan għall-politika ta' dan il-Gvern li wara li raħħas sostanzjalment il-kontijiet tal-enerġija fl-2014, żammhom ukoll stabbli permezz tas-sussidji wara l-2020, u sostna li riżultat tat-tkabbir ekonomiku qed tfisser aktar ħolqien u tqassim tal-ġid u flus fl-idejn.
Il-Ministru Falzon temm jgħid li din hija konferma oħra ta' kemm il-poplu Malti u Għawdxi qed jibbenefika permezz tal-ekonomija b'saħħitha li għandu pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN