STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imnedija tliet inizjattivi ġodda bħala parti mis-Servizz Nazzjonali ta’ Emerġenza Veterinarja
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, nedew is-Servizz Nazzjonali ta’ Emerġenza Veterinarja, li permezz tiegħu ġew imnedija tliet inizjattivi ewlenin biex jiġi żgurat aċċess għall-kura veterinarja ta’ emerġenza f’Malta u Għawdex barra l-ħinijiet normali tax-xogħol.
L-ewwel inizjattiva hija helpline nazzjonali b’xejn għall-emerġenzi veterinarji, li tista’ tintlaħaq permezz tal-freephone 153 Ext. 22, operata minn Servizz.gov. Din isservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt, fejn isir triage inizjali u jingħataw pariri professjonali, jew fejn meħtieġ is-sidien jiġu diretti lejn servizz veterinarju xieraq.
It-tieni inizjattiva hija programm ta’ appoġġ għall-kura veterinarja ta’ emerġenza ffinanzjat mill-Istat, li jipprovdi konsultazzjonijiet ta’ emerġenza għal annimali domestiċi iżgħar f’każijiet ġenwini ta’ emerġenza barra l-ħinijiet tax-xogħol. Il-pubbliku se jkun qed jingħata lura l-ħlas għal din l-istess konsultazzjoni. Sejħa ta’ interess se tiġi ppubblikata mill-Ministeru sabiex il-kliniċi veterinarji privati, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, ikunu jistgħu juru l-interess tagħhom li jissieħbu u jipprovdu s-servizzi tagħhom skont il-kriterji stabbiliti.
It-tielet inizjattiva hija l-ftuħ ta’ klinika ta’ emerġenza veterinarja li topera barra l-ħinijiet tax-xogħol, li tinsab il-Fgura u li se topera kuljum. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-8:00 p.m. sat-8:00 a.m. mit-Tnejn sal-Ħadd u matul il-ġurnata kollha fil-Ħdud u l-festi pubbliċi. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iċempel il-helpline qabel jattendi sabiex jiġi żgurat servizz aktar effiċjenti. Il-klinika ta’ emerġenza veterinarja tinsab f’7, Reggie Miller Gardens, Fgura.
Il-Ministru Anton Refalo qal li dawn l-inizjattivi huma parti mill-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ il-benesseri tal-annimali u jwettaq il-wegħdiet li saru fil-Budget għax dan il-gvern jemmen bis-serjetà fil-ħarsien tal-benesseri tal-annimali tagħna, għalhekk, għalkemm għadna fil-bidu tas-sena ħsibna mill-ewwel biex din il-miżura importanti tidħol fis-seħħ minnufih.
“B’dawn it-tliet inizjattivi qed nibnu sistema nazzjonali li tassigura li l-għajnuna veterinarja tkun disponibbli meta l-aktar tkun meħtieġa, filwaqt li naħdmu id f’id mas-settur privat. Dan huwa investiment fil-benesseri tal-annimali u serħan il-moħħ għas-sidien tagħhom,” qal il-Ministru Refalo.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, qaletli, “Din l-inizjattiva hija prova ċara li meta nagħmlu wegħda fil-Budget, aħna nwettquha. F’inqas minn l-ewwel 30 jum tas-sena, is-sistema nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja saret realtà konkreta. B’dan il-pass qed inpoġġu l-benesseri tal-annimali fiċ-ċentru tal-politika tagħna u qed niżguraw li l-ebda annimal ma jibqa’ mingħajr għajnuna, irrispettivament mill-ħin jew il-ġurnata.”
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN