STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Sejħa għal Organizzazzjonijiet Volontarji affettwati mill-maltempata Harry biex jirreġistraw għall-appoġġ
Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-maltempata Harry laqtet il-gżejjer Maltin bi rjieħ u xita qawwija li kkawżaw ħsarat madwar Malta u Għawdex, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat qed iniedi sejħa sabiex dawk l-għaqdiet li sofrew xi ħsarat ikunu jistgħu jirreġistraw formalment il-ħsarat tagħhom. Dan sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati l-ħsarat u l-assistenza skont il-bżonn.
Għaldaqstant, Organizzazzjonijiet Volontarji rreġistrati u konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji (OCVO), li esperjenzaw xi ħsara fiżika jew sofrew minn xi impatt negattiv, huma mistiedna u mitluba jimlew il-formola indikata fis-sit maltacvs.org sa mhux aktar tard mill-Erbgħa 28 ta' Jannar 2026. Din għandha tinkludi evidenza fotografika tal-ħsarat.
Din l-azzjoni tifforma parti mir-rispons aktar wiesa' tal-Gvern għall-ħsarat ikkawżati minn din il-maltempata. Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, spjegat li, “dan il-maltemp affettwa numru ta' għaqdiet volontarji u l-infrastruttura tagħhom, li huma kruċjali għall-ħidma soċjali u komunitarja fil-pajjiż. Irridu niksbu stampa aktar ċara tas-sitwazzjoni sabiex inkunu f'pożizzjoni li nassenjaw l-għajnuna meħtieġa b'mod ġust, effettiv u fil-ħin."
Għal aktar informazzjoni u mistoqsijiet, wieħed jista' jikkuntattja lill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju fuq 22481110 jew mcvs.miv@gov.mt
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN