STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U T-TURIŻMU Iċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi bbażat fil-Belt Valletta jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu
Iċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi, imwaqqaf fil-Belt Valletta s-sena li għaddiet, qed ikompli jespandi l-ħidma tiegħu ta' sorveljanza u monitoraġġ marittimu fuq livell globali, permezz ta' tagħmir ġdid u teknoloġiji bl-intelliġenza artifiċjali.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, żar iċ-Ċentru Globali għall-Monitoraġġ tas-Sanzjonijiet Marittimi (GCMSM), fejn ingħata tagħrif dwar il-kapaċitajiet dejjem jikbru taċ-Ċentru u dwar kif qed isaħħaħ l-irwol internazzjonali tiegħu fl-operat tal-konformità mas-sanzjonijiet marittimi u fil-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali fuq il-baħar.
Dr Borg seta' jara t-tagħmir avvanzat li ġie installat riċentement fiċ-Ċentru, b'fondi mill-Unjoni Ewropea, li qed isaħħaħ il-kapaċità taċ-Ċentru li jissorvelja l-attività marittima, janalizza tagħrif kumpless relatata mat-tbaħħir u jappoġġja ġurisdizzjonijiet differenti fl-implimentazzjoni effettiva tas-sanzjonijiet internazzjonali. Din l-infrastruttura ġdida tippermetti monitoraġġ b'mod dirett f'kull ħin, kif ukoll proċessi avvanzati ta' valutazzjoni tar-riskji.
Id-Deputat Prim Ministru faħħar il-ħidma li qed iwettaq it-tim tal-GCMSM. “Huwa ta' sodisfazzjon li fi żmien qasir, f'inqas minn sena minn meta twaqqaf, dan iċ-Ċentru żviluppa f'ħolqa ewlenija li qed tiġi rikonoxxuta internazzjonalment, fl-appoġġ tiegħu fil-governanza marittima. Malta se tkompli taħdem mal-imsieħba internazzjonali taċ-Ċentru, fosthom in-Nazzjonijiet Magħquda u l-Unjoni Ewropea, biex issaħħaħ l-irwol tiegħu sabiex ikattar id-djalogu u jżid il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-atturi globali ewlenin f'dan il-qasam, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà u s-sikurezza marittima," qal Dr Borg.
Id-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali u l-Affarijiet Ekonomiċi fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Neville Aquilina, li jservi wkoll bħala co-chair tal-Kumitat Eżekuttiv taċ-Ċentru, spjega li, bħala s-sitt l-akbar reġistru tal-vapuri fid-dinja, Malta qed tappoġġja b'mod attiv dan iċ-Ċentru Globali, u b'hekk qed issaħħaħ l-impenn tagħha lejn is-saltna tad-dritt u s-sigurtà fl-ibħra. “Iċ-Ċentru qed jaħdem ma' aktar minn 200 imsieħba mifruxa fil-ħames kontinenti, kif ukoll ma' reġistri tal-vapuri u oħrajn li għandhom sehem f'dan l-operat. Bħala l-unika organizzazzjoni tax-xorta tagħha fid-dinja, iċ-Ċentru qed isaħħaħ ir-reputazzjoni ta' Malta bħala ġuriżdizzjoni affidabbli, minn ta' quddiem fit-tmexxija ta' din l-industrija kruċjali," żied jgħid is-Sur Aquilina.
Id-Deputat Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Direttur taċ-Ċentru, Martin Cauchi Inglott, li jmexxi wkoll il-Proġett Critical Maritime Routes tal-Unjoni Ewropea (CRIMARIO), u b'hekk qed isaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni, l-interoperabbiltà u l-għarfien tas-settur marittimu fost il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet imsieħba madwar id-dinja.
Imwaqqaf minn Malta fi sħubija ma' Antigua u Barbuda, il-qafas istituzzjonali tal-GCMSM kompla jissaħħaħ bl-iffirmar ta' Ftehim mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità (UNODC) f'Ġunju tas-sena li għaddiet, li ppermetta li fil-bini tal-istess Ċentru jitwaqqaf uffiċċju tal-UNODC biex jappoġġja l-assistenza teknika, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapaċità għall-amministrazzjonijiet marittimi globali. Matul iż-żjara tiegħu fiċ-Ċentru, Dr Borg iltaqa' wkoll mal-Kap tal-Uffiċċju tal-UNODC f'Malta, Shanaka Jayasekara, li kellu rwol kruċjali fit-tmexxija ta' inizjattivi ta' żvilupp tal-kapaċità u fl-appoġġ tekniku espert biex jissaħħaħ ix-xogħol taċ-Ċentru.
F'Diċembru, il-GCMSM u l-Uffiċċju tal-UNODC f'Malta ospitaw laqgħa storika ta' rappreżentanti tar-reġistri tal-vapuri madwar id-dinja, bl-appoġġ tal-Proġett MUSE, iffinanzjat mill-UE. Din il-laqgħa kienet meqjusa bħala pass sinifikanti lejn iżjed koordinament, aktar trasparenza u responsabbiltà konġunta fis-settur marittimu globali.
Id-Deputat Prim Ministru Borg ingħata wkoll tagħrif dwar it-tħejjijiet għall-Konferenza taċ-Ċentri Marittimi Globali, li se ssir fil-Belt Valletta f'Marzu. Din il-konferenza se tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iċ-ċentri marittimi madwar id-dinja, filwaqt li tippromwovi l-aqwa prattiċi ta' operat u ssaħħaħ l-isforzi kollettivi biex tkompli tiġi mħarsa l-liġi marittima internazzjonali u l-konformità mas-sanzjonijiet fuq il-baħar. B'hekk, tikkonsolida l-irwol tal-Belt Valletta bħala ċentru ewlieni għall-kooperazzjoni marittima globali, l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet marittimi u l-iskambju tat-tagħrif.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN