STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Restawr tal-pitturi tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Bambina fin-Naxxar b’appoġġ ta’ fondi Ewropej
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet ta' konservazzjoni u restawr ta' ħames pitturi storiċi tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali ta' Marija Bambina fin-Naxxar, proġett iffinanzjat permezz ta' fondi Ewropej.
Il-ministru kien akkumpanjat minn rappreżentanti tal-GAL Majjistral u tal-Għaqda Kulturali Wirt Naxxar, li se jkunu qed jaħdmu flimkien biex dan il-proġett jitwettaq b'suċċess u skont l-ogħla standards ta' konservazzjoni.
Il-proġett se jiffoka fuq ir-restawr ta' ħames pitturi tal-Via Sagra li jmorru lura għas-seklu 18, inkluż it-tindif, livellar u l-konservazzjoni tal-pitturi kif ukoll tal-gwarniċi oriġinali tagħhom tal-istil Rokokò. L-intervent se jsir minn professjonisti biex tinżamm l-awtentiċità u l-integrità storika tax-xogħlijiet, sabiex dan il-wirt artistiku u reliġjuż jitħares għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-proġett qed jiġi implimentat taħt il-Programm LEADER u għandu l-għan li jsaħħaħ il-ħarsien tal-wirt kulturali u reliġjuż rurali u jkompli jrawwem is-sens ta' identità u appartenenza fil-komunità.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, “Dan il-proġett juri b'mod ċar kif fondi Ewropej qed jintużaw biex nipproteġu u nsaħħu l-wirt storiku u reliġjuż tagħna. Huwa investiment fil-memorja kollettiva u fl-identità kulturali tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li jagħti valur miżjud lill-irwol tal-għaqdiet lokali u volontarji."
Il-ministru żied jgħid li dawn it-tip ta' inizjattivi jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jara li l-fondi Ewropej jaslu fil-komunitajiet tagħna, b'mod partikolari f'proġetti li jħallu impatt pożittiv u fit-tul fil-lokalitajiet Maltin.
Min-naħa tiegħu, Victor Zammit mill-Għaqda Kultura u Wirt Naxxari, spjega li dan il-proġett huwa ta' importanza kbira għall-komunità tan-Naxxar, minħabba l-valur artistiku u storiku ta' dawn il-pitturi.
L-Għaqda Kulturali Wirt Naxxar hija għaqda volontarja mhux governattiva li, minbarra l-impenn tagħha fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tan-Naxxar, tieħu ħsieb wkoll il-Mużew tal-Knisja Parrokkjali, li huwa miftuħ għall-pubbliku mill-Erbgħa sal-Ħadd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN